Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Wasalna biex nagħlqu dawn il-katekeżijiet fuq l-Ittra lill-Galatin. Stajna rriflettejna fuq ħafna kontenut ieħor li nsibu f’din il-kitba ta’ San Pawl! Il-Kelma ta’ Alla hija għajn bla tarf. U l-Appostlu f’din l-Ittra kellimna bħala evanġelizzatur, bħala teologu u bħala ragħaj.

L-isqof qaddis Injazju ta’ Antjokja għandu espressjoni sabiħa, meta jikteb: “Hemm mgħallem wieħed li tkellem, u dak li qal, seħħ; imma l-ħwejjeġ li huwa għamel bla ma tkellem huma denji tal-Missier. Min għandu l-kelma ta’ Ġesù jista’ jisma’ wkoll is-skiet tiegħu” (Ad Ephesios, 15,1-2). Nistgħu ngħidu li l-Appostlu Pawlu kien kapaċi jagħti leħen lil dan is-skiet ta’ Alla. L-iżjed intuwizzjonijiet oriġinali tiegħu jgħinuna niskopru l-karattru ġdid u tal-għaġeb magħluq fir-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Kien veru teologu, li kkontempla l-misteru ta’ Kristu u għaddieh permezz tal-intelliġenza kreattiva tiegħu. U kien kapaċi wkoll jiżvolġi l-missjoni pastorali tiegħu ma’ komununità mifxula u mħawda. Dan għamlu b’metodi differenti: xi darba uża l-ironija, l-id soda, il-manswetudni… Saħaq fuq l-awtorità tiegħu ta’ appostlu, imma fl-istess waqt ma ħebiex id-dgħufijiet tal-karattru tiegħu. Fil-qalb tiegħu l-qawwa tal-Ispirtu tassew ħaffret fil-fond: il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt rebħet u bidlet il-ħajja kollha tiegħu, u hu għexha kollha kemm hi fil-qadi tal-Vanġelu.

Pawlu qatt ma kellu f’moħħu Kristjaneżmu paċifikatur, li ma jisfidax u bla enerġija, anzi bil-maqlub. Iddefenda l-libertà li ġab Kristu b’passjoni li sal-lum għadha tqanqalna, fuq kollox meta naħsbu fit-tbatijiet u fis-solitudni li kellu jġarrab. Kien konvint li rċieva sejħa li għaliha hu biss seta’ jwieġeb; u ried jispjega lill-Galatin li huma wkoll kienu msejħa għal dik il-libertà, li kienet teħlishom minn kull xorta ta’ jasar, għax kienet tagħmilhom werrieta tal-wegħda tal-qedem u, fi Kristu, ulied Alla. U konxju mir-riskji li kien iġorr miegħu dan il-kunċett ta’ libertà, qatt ma ssottovaluta l-konsegwenzi. Hu kien jaf x’kienu r-riskji li ġġib magħha l-libertà Nisranija, imma ma ssottovalutax il-konsegwenzi. Saħaq b’parresia, jiġifieri bil-kuraġġ kollha, ma’ dawk li jemmnu, li l-libertà ma hix libertinaġġ, lanqas twassal għal xejriet ta’ awtosuffiċjenza prużuntuża. Bil-maqlub, Pawlu qiegħed il-libertà għad-dell tal-imħabba u stabbilixxa t-tħaddim koerenti tagħha fil-qadi tal-karità. Din il-viżjoni kollha ġiet imqiegħda għad-dawl tal-ħajja skont l-Ispirtu s-Santu, li jwassal għall-milja tagħha l-Liġi mogħtija minn Alla lil Iżrael u ma jħalliniex naqgħu taħt il-jasar tad-dnub. It-tentazzjoni hi dejjem dik li nerġgħu lura. Definizzjoni tal-Insara, li nsibu fl-Iskrittura, tgħid li aħna l-Insara m’aħniex nies li jħarsu lura, li jerġgħu lura. Definizzjoni sabiħa. U t-tentazzjoni hi dik li nħarsu lura biex inħossuna iżjed fiż-żgur; nerġgħu lura għal-Liġi waħidha, u nittraskuraw il-ħajja ġdida tal-Ispirtu. Huwa dan li jgħallimna Pawlu: il-Liġi vera għandha l-milja tagħha f’din il-ħajja tal-Ispirtu li tana Ġesù. U din il-ħajja tal-Ispirtu nistgħu ngħixuha biss fil-libertà, il-libertà Nisranija. U din hi waħda mill-isbaħ affarijiet.

Jeħtieġ nerġgħu nqajmu lil Kristu f’qalbna għax hekk biss nistgħu nikkontemplaw il-ħwejjeġ b’ħarstu, għax hu jara lil hemm mit-tempesta. Permezz ta’ dik il-ħarsa serena, nistgħu nilmħu panorama li, waħidna, lanqas ħjiel tagħha m’għandna l-ħila nistħajlu

Fi tmiem din il-mixja ta’ katekeżi, naħseb li jista’ jinbet fina atteġġjament doppju. Minn banda, it-tagħlim tal-appostlu jnissel fina entużjażmu; inħossuna mħeġġa nimxu dritt fit-triq tal-libertà, biex “nimxu fl-Ispirtu”. Nimxu dejjem fl-Ispirtu: dan hu li jeħlisna. Min-naħa l-oħra, nafu x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħna, għax immissuhom b’idejna ta’ kuljum meta nsibuha bi tqila li nkunu doċli għall-Ispirtu, u noqogħdu għall-azzjoni ta’ ġid tiegħu. Allura tista’ tilħaqna l-għeja li tħeddel il-ħeġġa. Inħossuna qalbna maqtugħa, dgħajfa, xi drabi mwarrbin għall-ġenb ħdejn l-istil ta’ ħajja skont il-mentalità tad-dinja. Santu Wistin jissuġġerilna kif għandna nirreaġixxu f’din is-sitwazzjoni, billi jirriferi għall-episodju tal-Vanġelu tat-tempesta li qamet fl-għadira. Jgħid hekk: “Il-fidi ta’ Kristu fil-qalb tiegħek hija bħal Kristu fuq id-dgħajsa. Tisma’ t-tagħjir, tegħja, tħossok mifxul, u Kristu rieqed. Qajmu lil Kristu, ċaqlaq il-fidi tiegħek! Imqar fit-tiġrib int tista’ tagħmel xi ħaġa. Ċaqlaq il-fidi tiegħek. Kristu jqum u jkellmek… Mela qajmu lil Kristu… Emmen f’dak li ntqal, u f’qalbek taqa’ kalma kbira” (Diskorsi 163/B 6). Fil-mumenti ta’ diffikultà aħna qisna – jgħid Santu Wistin hawn – fid-dgħajsa waqt it-tempesta. U x’għamlu l-Appostli? Qajmu lil Kristu li kien rieqed waqt li kienet għaddejja t-tempesta; imma hu kien preżenti. L-unika ħaġa li nistgħu nagħmlu fil-mumenti koroh hi dik li “nqajmu” lil Kristu li hemm ġo fina, imma jinsab “rieqed” bħal fid-dgħajsa. Proprju dan. Jeħtieġ nerġgħu nqajmu lil Kristu f’qalbna għax hekk biss nistgħu nikkontemplaw il-ħwejjeġ b’ħarstu, għax hu jara lil hemm mit-tempesta. Permezz ta’ dik il-ħarsa serena, nistgħu nilmħu panorama li, waħidna, lanqas ħjiel tagħha m’għandna l-ħila nistħajlu.

F’din il-mixja impenjattiva imma affaxxinanti, l-Appostlu jfakkarna li ma nistgħu qatt negħjew nagħmlu t-tajjeb. Tegħjew qatt tagħmlu t-tajjeb. Irid ikollna fiduċja li l-Ispirtu dejjem jiġi jgħinna fid-dgħufija tagħna u jagħtina l-għajnuna li neħtieġu. Mela, nitgħallmu nsejħu iżjed ta’ spiss lill-Ispirtu s-Santu! Xi ħadd forsi jgħidli: “U kif titolbu lill-Ispirtu s-Santu? Għax jien naf nitlob lill-Missier, bil-Missierna; naf nitlob lill-Madonna bis-Sliema; naf nitlob lil Ġesù bit-Talba tal-Pjagi, imma lill-Ispirtu? Liema hi t-talba tal-Ispirtu s-Santu?”. It-talba lill-Ispirtu s-Santu hi spontanja: trid toħroġ mill-qalb tiegħek. Fil-mumenti ibsin int għandek tgħid: “Spirtu s-Santu, ejja”. Il-kelma-muftieħ hi din: “ejja”. Imma trid tgħidha kif taf int, fi kliemek. Ejja, għax ninsab fid-diffikultà, ejja għax ninsab fid-dlam; ejja għax ma nafx x’naqbad nagħmel; ejja għax ħa naqa’. Ejja. Ejja. Hija l-kelma tal-Ispirtu biex insejħu lill-Ispirtu. Nitgħallmu nsejħu iżjed ta’ spiss lill-Ispirtu s-Santu. Dan nistgħu nagħmluh bi kliem sempliċi, fid-diversi mumenti tal-ġurnata. U nistgħu nġorru magħna, forsi fil-Vanġelu ċkejken tagħna tal-but, it-talba sabiħa li l-Knisja tgħid f’Pentekoste:

Spirtu s-Santu, ejja fina
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni tiegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ…

Ejja. U tkompli, hija talba sabiħa wisq. Il-qalba tat-talba hi “ejja”, hekk talbu l-Madonna u l-Appostli wara li Ġesù kien tela’ s-Sema; kienu waħidhom fiċ-Ċenaklu u talbu lill-Ispirtu s-Santu. Jagħmlilna tajjeb nitolbu ta’ spiss: Ejja, Spirtu s-Santu. U bil-preżenza tal-Ispirtu aħna nkunu qed inħarsu l-libertà tagħna. Inkunu ħielsa, Insara ħielsa, mhux marbutin mal-passat fis-sens negattiv tal-kelma, mhux marbuta mal-ktajjen ta’ prattiċi, imma meħlusa bil-libertà Nisranija, dik li tgħinna nimmaturaw. Din it-talba tista’ tgħinna nimxu fl-Ispirtu, fil-libertà u fil-ferħ, għax meta jiġi l-Ispirtu s-Santu, jiġi l-ferħ, il-veru ferħ. Il-Mulej iberikkom.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard