Katekeżi fuq l-Ittra lill-Galatin – 7. Galatin bla moħħ
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bl-ispjegazzjoni tal-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin. Din mhijiex xi ħaġa ġdida, din l-ispjegazzjoni, jew xi ħaġa tiegħi: dan li qed nistudjaw hu x’jgħid San Pawl f’kunflitt serju ħafna mal-Galatin. U hi wkoll Kelma ta’ Alla, għax daħlet fil-Bibbja. Mhumiex ħwejjeġ li qed jivvintahom xi ħadd: le. Hi ħaġa li seħħet f’dak iż-żmien u li tista’ tirrepeti ruħha. U fil-fatt rajna kif fl-istorja rrepetiet ruħha, din. Din hi sempliċiment katekeżi fuq il-Kelma ta’ Alla espressa fl-Ittra ta’ Pawlu lill-Galatin: mhi xejn għajr hekk. Jeħtieġ li dan inżommuh dejjem quddiem għajnejna. U fil-katekeżijiet ta’ qabel rajna kif l-Appostlu Pawlu juri lill-ewwel Insara tal-Galazja kemm hu perikoluż li jħallu t-triq li bdew mexjin fiha meta laqgħu l-Vanġelu. Fil-fatt ir-riskju hu dak li jaqgħu fil-formaliżmu, li hu waħda mit-tentazzjonijiet li twassalna għall-ipokrezija, li dwarha tkellimna l-aħħar darba. Jaqgħu fil-formaliżmu u jiċħdu d-dinjità ġdida li rċivew: id-dinjità ta’ min hu mifdi minn Kristu. Is-silta li għadna kemm smajna tagħti bidu għat-tieni parti tal-Ittra. Sa hawn, Pawlu tkellem fuq ħajtu u fuq il-vokazzjoni tiegħu: fuq kif il-grazzja ta’ Alla bidlitlu ħajtu, u qegħditha kontinwament għas-servizz tal-evanġelizzazzjoni. Hawn, hu jisfida direttament lill-Galatin: ipoġġilhom quddiemhom l-għażliet li wettqu u l-qagħda attwali tagħhom, li tista’ ġġib fix-xejn l-esperjenza tal-grazzja li għexu.
U l-kliem li bih l-Appostlu jdur fuq il-Galatin ċertament mhuwiex wieħed ta’ kortesija: smajnieh. Fl-Ittri l-oħra faċli ssib l-espressjoni “ħuti” jew “għeżież tiegħi”, imma hawn le. Għax hu rrabjat. B’mod ġeneriku jgħid “Galatin” u għal darba darbtejn isejħilhom “bla moħħ”, li mhuwiex xi terminu ta’ kortesija. Bla moħħ, boloh u jgħid affarijiet oħra… Dan jagħmlu mhux għax mhumiex intelliġenti, imma għax, kważi bla ma jintebħu, qed jirriskjaw li jitilfu l-fidi fi Kristu li laqgħu b’tant ħeġġa. Huma boloh għax mhumiex jintebħu li l-periklu hu dak li jitilfu t-teżor prezzjuż, il-ġmiel tal-ġdid ta’ Kristu. Hu ċar li l-Appostlu ma jistax jemmen u fl-istess ħin hu mnikket. Mhux mingħajr kliem iebes, hu jipprovoka lil dawk l-Insara biex jiftakru fl-ewwel aħbar li tahom, li biha offrielhom il-possibbiltà li jiksbu l-libertà li sa dakinhar kienu għadhom ma ttamawx.
L-Appostlu jagħmel xi mistoqsijiet lill-Galatin, bl-għan li jċaqlaq il-kuxjenzi tagħhom: għalhekk hu daqshekk iebes. Huma mistoqsijiet rettoriċi, għax il-Galatin jafu tajjeb li d-dħul tagħhom għall-fidi fi Kristu hi frott tal-grazzja li rċivew bil-predikazzjoni tal-Vanġelu. Jeħodhom lura għall-bidu tal-vokazzjoni Nisranija. Il-kelma li kienu semgħu mingħand Pawlu kienet iddur mal-imħabba ta’ Alla, li dehret b’mod sħiħ fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Pawlu ma setax isib espressjoni iżjed konvinċenti minn dik li aktarx kien tennielhom iżjed minn darba fil-predikazzjoni tiegħu: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). Pawlu ma ried jaf b’xejn iżjed ħlief bi Kristu msallab (ara 1 Kor 2:2). Il-Galatin għandhom iħarsu lejn din il-ġrajja, mingħajr ma jħallu aħbarijiet oħra jifxluhom. Fi ftit kliem, il-fehma ta’ Pawlu hi dik li jġib f’tagħhom lill-Insara biex jintebħu x’inhu l-importanti u ma jħallux isaħħruhom ilħna tas-sireni li jridu jwassluhom għal reliġjożità msejsa biss fuq l-osservanza skrupluża tal-preċetti. Għax huma, dawn il-predikaturi ġodda li waslu hemm mill-Galazja, ikkonvinċewhom li kellhom imorru pass lura u jimxu wkoll mal-preċetti li kienu jiġu osservati u li kienu jwasslu għall-perfezzjoni qabel ma ġie Kristu, li hu s-salvazzjoni mqassma b’xejn.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-Galatin fehmu tajjeb ħafna dak li għalih kien qed jirreferi l-Appostlu. Żgur li kienu għamlu esperjenza tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu fil-komunitajiet: bħal fil-Knejjes l-oħra, hekk ukoll anki fosthom kienet dehret il-karità u bosta kariżmi oħra. Taħt pressjoni, issa bilfors ikollhom iwieġbu li dak li għexu kien frott tal-ġdid tal-Ispirtu. Fil-bidu tad-dħul tagħhom fil-fidi, għalhekk, kien hemm l-inizjattiva ta’ Alla, u mhux dik tal-bnedmin. L-Ispirtu s-Santu kien il-protagonista tal-esperjenza tagħhom; biex issa jpoġġuh fit-tieni post biex jagħtu l-primat lill-opri tagħhom – jiġifieri t-twettiq tal-preċetti tal-Liġi – din kienet tkun ħaġa tal-boloh. Il-qdusija ġejja mill-Ispirtu s-Santu u li hu l-fidwa b’xejn ta’ Ġesù: dan hu li jiġġustifikana.
B’dan il-mod, San Pawl qed jistieden lilna wkoll nirriflettu: kif qed ngħixu l-fidi? L-imħabba ta’ Kristu msallab u rxoxt għadha fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna ta’ kuljum bħala għajn ta’ salvazzjoni, jew inkella qed nikkuntentaw ruħna b’xi formalità reliġjuża biex inserrħu l-kuxjenza tagħna? Aħna kif qed ngħixuha l-fidi? Inħossuna marbuta mat-teżor prezzjuż, mal-ġmiel tal-ġdid ta’ Kristu, jew nippreferu xi ħaġa li għalissa tiġbidna imma mbagħad tħallina vojta minn ġewwa? Dak li jtir mar-riħ, spiss iħabbat fuq il-bibien tal-ġranet tagħna, imma huwa illużjoni kerha, li twaqqagħna fis-superfiċjalità u ma tħalliniex ngħarblu fuq x’jiswa tassew li ngħixu. Ħuti, ejjew mela nżommu sħiħa ċ-ċertezza li, imqar meta aħna ttentati naħarbu ’l bogħod, Alla jkompli mill-ġdid isawwab fuqna d-doni tiegħu. Dejjem fl-istorja, anki llum, jiġru affarijiet li jixbhu dak li ġralhom il-Galatin. Illum ukoll xi wħud jiġu jimlewlna widnejna u jgħidulna: “Le, il-qdusija ssibha f’dawn il-preċetti, f’dawn il-ħwejjeġ, tridu tagħmlu dan u dak”, u jipproponulna reliġjożità riġida, ir-riġidità li tisirqilna din il-libertà fl-Ispirtu li tgħtina l-fidwa ta’ Kristu. Iftħu għajnejkom quddiem ir-riġiditajiet li jipproponulkom: attenti. Għax wara kull riġidità hemm xi ħaġa kerha, ma hemmx l-Ispirtu ta’ Alla. U għalhekk, din l-Ittra tgħinna ma nisimgħux dawn il-proposti xi ftit fundamentalisti li jitfgħuna lura fil-ħajja spiritwali tagħna, imma tgħinna nimxu ’l quddiem fil-vokazzjoni tal-Għid ta’ Ġesù. Dan hu li l-Appostlu jtenni lill-Galatin meta jfakkarhom li l-Missier “jagħtikom l-Ispirtu u juri s-setgħa tiegħu permezz tagħkom” (3:5). Qed jitkellem fil-preżent, ma jgħidx: “Alla takom l-Ispirtu”, kapitlu 3, vers 5, le: jgħid “jagħtikom”; ma jgħidx “wera”, le: “juri”. Għaliex, minkejja d-diffikultajiet kollha li aħna nistgħu npoġġu għall-azzjoni tiegħu, anki minkejja d-dnubiet tagħna, Alla ma jitlaqna qatt waħidna imma jibqa’ magħna bl-imħabba ħanina tiegħu. Alla dejjem hu qrib tagħna bit-tjieba tiegħu. Hu bħal dak il-missier li ta’ kuljum kien jitla’ fuq is-setaħ biex jara jekk ibnu ġiex lura: l-imħabba tal-Missier qatt ma tixba’ minna. Ejjew nitolbu l-għerf li nintebħu dejjem b’din ir-realtà u nibagħtu ’l hemm lil dawn il-fundamentalisti li qed jipproponulna ħajja ta’ axxeżi artifiċjali, imbiegħda mill-qawmien ta’ Kristu. L-axxeżi hi meħtieġa, imma l-axxeżi għarfa, mhux dik artifiċjali.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard