Katekeżi. Il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni: iż-żelu appostoliku ta’ min jemmen. 3. Ġesù mgħallem tat-tħabbira

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-Ħamis li għadda rriflettejna fuq Ġesù mudell tat-tħabbira, fuq il-qalb pastorali tiegħu dejjem miftuħa għall-oħrajn. Illum ejjew inħarsu lejh bħala mgħallem tat-tħabbira. Inħallu jmexxina l-episodju li fih hu jipprietka fis-sinagoga tar-raħal tiegħu, Nazaret. Ġesù jaqra silta mill-profeta Iżaija (ara 61:1-2) u mbagħad jgħaġġeb lil kulħadd bi “prietka” qasira ħafna, ta’ frażi waħda biss, frażi waħda biss. U jgħid hekk: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (Lq 4:21). Din kienet il-prietka ta’ Ġesù: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. Dan ifisser li għal Ġesù dik is-silta profetika fiha l-essenzjal ta’ dak li hu jrid jgħidilna fuqu nnifsu. Allura, kull darba li aħna nitkellmu fuq Ġesù, jeħtieġ nerġgħu lura għal dik l-ewwel tħabbira tiegħu. Ejjew mela naraw fiex tikkonsisti din l-ewwel tħabbira. Nistgħu nidentifikaw ħames elementi essenzjali.

L-ewwel element hu l-ferħ. Ġesù jipproklama: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi; […] bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (v. 18), jiġifieri bxara ta’ hena, ta’ ferħ. Bxara tajba: ma nistgħux nitkellmu dwar Ġesù mingħajr ferħ, għax il-fidi hi storja stupenda ta’ mħabba li rridu naqsmuha mal-oħrajn. Nagħtu xhieda ta’ Ġesù, nagħmlu xi ħaġa għall-oħrajn f’ismu, ifisser li b’ħajjitna nuru li aħna rċivejna don hekk sabiħ li ebda kelma ma hi biżżejjed biex tesprimi dan. Imma, meta jonqos il-ferħ, il-Vanġelu ma jgħaddix għand l-oħrajn, għax hu – kif tgħid il-kelma nfisha – aħbar tajba, u Vanġelu jfisser aħbar tajba, aħbar ta’ ferħ. Nisrani mdejjaq jista’ jitkellem fuq l-isbaħ affarijiet, imma kollu għalxejn jekk l-aħbar li jgħaddi ma hix hienja. Kien hemm ħassieb li kien jgħid: “Nisrani mdejjaq hu Nisrani msejken”: tinsewhx dan.

Niġu għat-tieni aspett: il-ħelsien. Ġesù jgħid li ġie mibgħut biex “iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin” (ibid.). Dan ifisser li min iħabbar lil Alla ma jistax jagħmel proselitiżmu, le, ma jistax jagħmel pressjoni fuq l-oħrajn, imma jferraħhom: ma jimponix piżijiet, imma jserraħ minnhom; iġib il-paċi, mhux sens ta’ ħtija. Daż-żgur, li timxi wara Ġesù jitlob axxeżi, jitlob sagrifiċċji; wara kollox, jekk kull ħaġa sabiħa titlob dan, kemm iktar ir-realtà deċiżiva tal-ħajja! Imma min jagħti xhieda ta’ Kristu juri l-ġmiel tad-destinazzjoni, iktar milli t-taħbit tal-mixja. Forsi ġieli ġralna li rrakkontajna lil xi ħadd vjaġġ sabiħ li għamilna. Ngħidu aħna, tkellimna fuq il-ġmiel tal-postijiet, ta’ dak li rajna u ħassejna, u mhux fuq kemm domna biex wasalna u fuq il-fillieri twal fl-ajruport, le! Hekk kull tħabbira denja tal-Feddej għandha xxandar ħelsien. Bħal dik ta’ Ġesù. Illum hawn il-ferħ, għax jiena ġejt biex neħles.

It-tielet aspett: id-dawl. Ġesù jgħid li hu ġie biex iġib “id-dawl mill-ġdid lill-għomja” (ibid.). Jolqotna l-fatt li fil-Bibbja kollha, qabel Kristu, qatt ma jidher il-fejqan ta’ agħma, qatt. Fil-fatt dan kien sinjal imwiegħed li kellu jasal mal-Messija. Imma hawn m’aħniex nitkellmu biss fuq il-vista fiżika, imma fuq dawl li juri l-ħajja b’mod ġdid. Ifisser li “tersaq għad-dawl”, twelid mill-ġdid li jiġina biss ma’ Ġesù. Jekk naħsbu ftit, hekk bdiet għalina l-ħajja Nisranija: bil-Magħmudija, li antikament kienet imsejħa proprju “tidwil”. U x’dawl hu li jagħtina Ġesù? Iġibilna d-dawl ta’ wlied: hu l-Iben maħbub mill-Missier, li jgħix għal dejjem; u miegħu aħna wkoll aħna wlied ta’ Alla maħbuba għal dejjem, minkejja l-iżbalji u d-difetti tagħna. Allura l-ħajja ma tibqax mixja għamja lejn ix-xejn, le: mhijiex kwistjoni ta’ xorti tajba jew ħażina. Il-ħajja tiddependi mill-imħabba, mill-imħabba tal-Missier, li jieħu ħsieb tagħna, uliedu maħbuba. Kemm hu sabiħ taqsam mal-oħrajn dan id-dawl! Qatt ħsibtu li l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna – il-ħajja tiegħi, il-ħajja tiegħek, il-ħajja tagħna – hija ġest ta’ mħabba? Hi stedina għall-imħabba? Din hi ħaġa tal-għaġeb! Imma ħafna drabi ninsewh dan, quddiem id-diffikultajiet, quddiem l-aħbarijiet ħżiena, anki quddiem – u din hi kerha – il-mondanità, il-mod mondan ta’ kif ngħixu.

Ir-raba’ aspett tat-tħabbira: il-fejqan. Ġesù jgħid li hu ġie “irodd il-ħelsien lill-maħqurin” (ibid.). Maħqur hu min fil-ħajja jħossu mgħaffeġ taħt xi ħaġa li qed tiġri: mard, taħbit, qalb imtaqqla, sens ta’ ħtija, żbalji, vizzji, dnubiet… Maħqura minn dan: ejjew naħsbu, biex inġibu eżempju, fis-sens ta’ ħtija. Kemm minna batew b’hekk? Naħsbu ftit fuq sens ta’ ħtija għal din, għal dik il-ħaġa… Fuq kollox, li jgħaffiġna hu sewwasew dak il-ħażen li ebda mediċina jew rimedju uman ma jistgħu jfejqu: id-dnub. U jekk wieħed għandu sens ta’ ħtija għal xi ħaġa li għamel, u dan iħossu ħażin fuqha… Imma l-aħbar it-tajba hi li ma’ Ġesù dan il-ħażen tal-qedem, id-dnub, li jidher invinċibbli, ma għadx għandu l-aħħar kelma. Jiena nista’ nidneb għax jiena dgħajjef. Kull wieħed u waħda minna jista’ jagħmel hekk, imma din mhijiex l-aħħar kelma. L-aħħar kelma hi d-driegħ miftuħ ta’ Ġesù li jerfgħek lura mid-dnub. U Dun, dan meta jagħmlu? Darba? Le. Darbtejn? Le. Tlieta? Le. Dejjem. Kull darba li tħossok ħażin, il-Mulej dejjem għandu idu miftuħa. Trid biss taqbad magħha u tħalliha tmexxik. L-aħbar it-tajba hi li ma’ Ġesù dan il-ħażen tal-qedem ma għadx għandu l-aħħar kelma: l-aħħar kelma hi l-id miftuħa ta’ Ġesù li tmexxik ’il quddiem. Mid-dnub Ġesù dejjem ifejjaqna. U kemm irrid inħallas għall-fejqan? Xejn. Ifejjaqna dejjem u b’xejn. Hu jistieden lil dawk kollha li huma “mħabbtin u mtaqqlin” – dan jgħidu l-Vanġelu – jistedinhom biex imorru għandu (ara Mt 11:28). U allura meta nakkumpanjaw lil xi ħadd għal-laqgħa ma’ Ġesù nkunu qed inwassluh għand it-tabib tal-qalb, li jerġa’ jerfa’ l-ħajja fuq saqajha. Inkunu ngħidulu: “Ħija, oħti, jiena ma għandix tweġibiet għall-ħafna problemi tiegħek, imma Ġesù jafek, Ġesù jħobbok, jista’ jfejqek u jserraħlek qalbek”. Min qed iġorr toqol f’qalbu għandu bżonn ta’ żegħila fuq l-imgħoddi tiegħu. Ħafna drabi nisimgħu min jgħid: “Imma jiena għandi bżonn infiq mill-passat tiegħi… għandi bżonn ta’ żegħila fuq dak il-passat li tant inħossu jtaqqalni…”. Għandu bżonn tal-maħfra. U min jemmen f’Ġesù għandu sewwasew dan x’jagħti lill-oħrajn: il-qawwa tal-maħfra, li teħles ir-ruħ minn kull dejn. Ħuti, tinsewx: Alla kollox jinsa. Kif inhi din? Iva, jinsa d-dnubiet kollha tagħna, ma għandux memorja tagħhom. Alla jaħfer kollox għax jinsa d-dnubiet tagħna. Irridu biss nersqu lejn il-Mulej u hu jaħfrilna kollox. Aħsbu fi ġrajja mill-Vanġelu, f’dak li beda jitkellem: “Mulej, dnibt!”. Dak l-iben… U missieru jpoġġilu sebgħu fuq fommu. “Le, biżżejjed, xejn…”. Ma jagħtihx ċans jispiċċa… U dan hu s-sabiħ. Ġesù jistenniena biex jaħfrilna, biex ifejjaqna. U kemm? Darba? Darbtejn? Le. Dejjem. “Imma Dun, jiena dejjem nirrepeti l-istess affarijiet…”. U hu wkoll jirrepeti dejjem l-istess affarijiet tiegħu: jaħfirlek, jgħannqek miegħu. Nitlobkom, ejjew ma naqtgħux qalbna minħabba dan. Hekk iħobbna l-Mulej. Min qed iġorr xi toqol u għandu bżonn ta’ żegħila fuq il-passat tiegħu, għandu bżonn tal-maħfra, ħa jkun jaf li Ġesù hekk jagħmel. U dan hu li jagħti Ġesù: jeħles ir-ruħ minn kull dejn. Fil-Bibbja naqraw dwar sena li fiha kienu jinħelsu mill-piż tad-djun: il-Ġublew, is-sena tal-grazzja. Bħallikieku din kienet l-aħħar punt tat-tħabbira.

Fil-fatt Ġesù jgħid li hu ġie “jxandar sena tal-grazzja tal-Mulej” (ara Lq 4:19). Ma kienx ġublew ipprogrammat dan, bħal dawk li qed nagħmlu aħna llum, fejn kollox hu pprogrammat u noqogħdu naħsbu x’ħa nagħmlu u ma nagħmlux… Le. Imma ma’ Kristu l-grazzja li tagħti l-ħajja ġdida tasal u tgħaġġibna dejjem. Kristu hu l-Ġublew ta’ kull ġurnata, ta’ kull siegħa, li jressqek lejh, biex iżiegħel bik, biex jaħfirlek. U t-tħabbira ta’ Ġesù għandha ġġib dejjem l-istagħġib tal-grazzja. Dan l-istagħġib: “Ma nistax nemmen, ġejt maħfur, ġejt maħfura”. Imma daqshekk hu kbir Alla tagħna! Għax mhuwiex aħna li ħa nagħmlu ħwejjeġ kbar, imma hija l-grazzja tal-Mulej li, imqar permezz tagħna, twettaq ħwejjeġ li qatt ma konna nobsru. U dawn huma s-sorpriżi ta’ Alla. Alla hu mgħallem tas-sorpriżi. Dejjem jissorprendina, dejjem jistenniena. Aħna naslu, u lilu nsibuh jistenniena. Dejjem. Il-Vanġelu għandu miegħu dan is-sens ta’ stagħġib u ta’ ħaġa ġdida li għandha isem: Ġesù.

Hu jgħinna nxandruh kif jixtieq hu, billi nwasslu ferħ, ħelsien, dawl, fejqan u stagħġib. Hekk jasal għandna Ġesù.

L-aħħar ħaġa: din il-bxara tajba, li jsemmi l-Vanġelu, tingħata “lill-fqajrin” (v. 18). Spiss ninsewhom, imma huma d-destinatarji espliċitament imsemmija, għax huma l-magħżulin ta’ Alla. Niftakru fihom u niftakru li, biex jilqa’ lill-Mulej, kull wieħed u waħda minna jrid isir “fqir minn ġewwa”. B’dak il-faqar li jwassalna biex ngħidu… “Mulej, għandi bżonn tal-maħfra, għandi bżonn l-għajnuna, għandi bżonn tal-qawwa”. Dan il-faqar li aħna lkoll għandna: niftaqru minn ġewwa. Dan ifisser li nirbħu kull pretensjoni ta’ awtosuffiċjenza biex nifhmu li għandna bżonn tal-grazzja, u dejjem fil-bżonn tiegħU. Jekk xi ħadd jgħidli: Dun, imma liema hi l-iqsar triq biex niltaqa’ ma’ Ġesù? Ara li tkun fil-bżonn. Fil-bżonn tal-grazzja, fil-bżonn tal-maħfra, fil-bżonn tal-ferħ. U hu jersaq lejk.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard