Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
F’dar-raba’ Ħadd tal-Għid, magħruf bħala l-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, l-Evanġelju (Ġw 10,11-18) jippreżentalna lil Ġesù bħala l-veru ragħaj li jiddefendi, jagħraf u jħobb lin-nagħaġ tiegħu.
B’kuntrast miegħu, mar-Ragħaj it-Tajjeb, għandna l-“merċenarju”, li ma jimpurtahx min-nagħaġ għax mhumiex tiegħu. Jagħmel dax-xogħol biss għall-paga, ma jħabbilx rasu biex jiddefendihom: meta jasal il-lupu jaħrab u jabbandunahom (cfr vv. 12-13). Iżda Ġesù, ir-ragħaj veru, jiddefendina dejjem, joħroġna minn bosta sitwazzjonijiet diffiċli, sitwazzjonijiet perikolużi, permezz tal-kelma tiegħu u l-qawwa tal-preżenza tiegħu, li aħna nħossu bla waqfien, jekk inkunu rridu nisimgħu, kuljum.
It-tieni aspett hu li Ġesù, ragħaj tajjeb, jagħraf – l-ewwel aspett: jiddefendi, it-tieni: jagħraf – lin-nagħaġ tiegħu u nagħaġ tiegħu jagħrfu lilu (v. 14). Kemm hu sabih u ta’ faraġ li nafu li Ġesù jafna wieħed wieħed, waħda waħda, li aħna m’aħniex bla wiċċ għalih, li isimna jafu! Għalih aħna m’aħniex ‘massa’, ‘kotra’, le. Aħna persuni uniċi, kull wieħed u waħda minna bl-istorja personali, u Hu jaf lil kull wieħed u waħda bl-istorja personali tiegħu/tagħha, kulħadd bil-valur tiegħu kemm għaliex hu ħolqien kif ukoll għax salvat minn Kristu. Kull wieħed u waħda minna nistgħu ngħidu: Ġesù jafni! Verament, hekk hu: Hu jafna ferm aktar milli jafna ħaddieħor. Hu biss jaf x’hemm fi qlubna, l-intenzjonijiet tagħna, is-sentimenti l-aktar moħbija. Ġesù jaf il-preġji u d-difetti tagħna, u dejjem lest biex jieħu ħsiebna, biex ifejjaq il-ġrieħi tal-iżbalji tagħna bl-abbundanza tal-ħniena tiegħu. Fih tintemm fil-milja tagħha x-xbieha tar-ragħaj tal-poplu t’Alla, dik li fissru l-profeti: Ġesù jinkwieta minħabba n-nagħaġ tiegħu, jiġborhom, jinfaxxalhom il-ġrieġi, ifejjaq il-marida. Hekk naqraw fil-Ktieb ta’ Eżekjel (cfr 34,11-16).
Għalhekk Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, jiddefendi, jagħraf u fuq kollox, iħobb lin-nagħaġ tiegħu. Għalhekk hu jagħti ħajtu għalihom (cfr Ġw 10,15). L-imħabba lejn in-nagħaġ, jiġifieri lejn kull wieħed u waħda minna, twasslu biex imut fuq is-salib, għax din hi r-rieda tal-Missier sabiex ħadd ma jintilef. L-imħabba ta’ Kristu m’għandhiex preferenzi, tħaddan lil kulħadd. Ifakkarhulna Hu nnifsu fl-Evanġelju tal-lum meta jgħid: “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed” (Ġw 10,16). Dal-kliem juri l-ħerqa universali tiegħu: Hu ragħaj ta’ kulħadd. Ġesù jrid li kulħadd jilqa’ l-imħabba tal-Missier u jiltaqa’ ma’ Alla.
U l-Knisja hi msejħa biex tkompli taqdi dil-missjoni ta’ Kristu. Minbarra dawk li jiffurmaw parti mill-komunitajiet tagħna, hemm tant persuni oħra, il-maġġoranza, li jiġu magħna biss f’każi partikolari inkella qatt. Imma b’daqshekk xorta waħda huma wlied Alla: il-Missier jafda lil kulħadd f’idejn Ġesù ir-Ragħaj it-Tajjeb, li ta ħajtu għal kulħadd.
Ħuti, Ġesù jiddefendi, jagħraf u jħobb lilna lkoll. Marija Santissma tgħinna nilqgħu u nsegwu, aħna l-ewwel nies, lir-Ragħaj it-Tejjeb, biex bil-ferħ nikkoperaw fil-missjoni tiegħu.
Wara r-Regina Caeli
Għeżież ħuti!
Nhar il-Ġimgħa li għadda f’Santa Cruz del Quiché, fil-Gwatemala, ġew beatifikati José María Gran Cirera u disgħa sħabu. Kienu tliet saċerdoti u sitt lajċi tal-Kongregazzjoni tal-Missjunarji tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, li nqatlu bejn l-1980 u l-1991, żmien il-persekuzzjoni kontra l-Knisja Kattolika li kienet impenjata biex tiddefendi lill-foqra. Imqanqlin mill-fidi fi Kristu, kienu xhieda erojċi tal-ġustizzja u l-imħabba. Jalla l-eżempju tagħhom jagħmilna aktar ġenerużi u jseddqilna l-kuraġġ biex ngħixu l-Evanġelju. Applaws lill-Beati l-ġodda!
Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjoni tal-Gżejjer ta’ Saint Vincent u Grenadine fejn sbroffa vulkan li ġab ħsarat kbar u skomdu. Niżurakom li nitlob għalikom u nbierek lil kull min qed imidd idu biex jagħti l-għajnuna u jassiti.
U nħossni qrib ukoll tal-vittmi tal-ħruq fi sptar għall-morda bil-Covid f’Baghdad. S’issa mietu tmienja u tmenin. Nitolbu għal kulħadd.
Nistqarr magħkom li nħoss għafsa kbira ta’ qalb minħabba t-traġedja li għal darb’oħra seħħet dawn l-aħħar ġranet fil-Mediterran. Mija u tlein migranti mietu fil-baħar. Huma persuni, huma ħajjiet umani li għal jumejn tkarrbu għall-ajjut għalxejn, ajjut li ma wasalx. Ħuti ilkoll kemm aħna nistaqsu għaliex din l-aħħar traġedja. Hu ħin tal-mistħija. nitolbu għal dawn ħutna u għal bosta oħrajn li għadhom qed jitilfu ħajjithom f’dawn il-vjaġġi drammatiċi. Nitolbu wkoll għal dawk li jistgħu jgħinu imma jippreferu jħarsu n-naħa l-oħra. Nitolbu għalihom fis-skiet.
Illum fil-Knisja kollha qed niċċelebraw il-Jum Dinji ta’ talb għall-vokazzjonijiet bit-tema “San Ġużepp, il-ħolma tal-vokazzjoni”. Niżżu ħajr lill-Mulej għax għadu jsejjaħ fil-Knisja persuni li għall-imħabba tiegħu jikkonsagraw ruħhom biex iħabbru l-Evanġelju u biex ikunu ta’ servizz għal ħuthom. U llum, b’mod partikolari, irrodu ħajr għas-saċerdoti l-ġodda li ordnajt ftit tal-ħin ilu fil-Bażilika ta’ San Pietru.. Ma nafx humiex hawn… U nitolbu l-Mulej li jibgħat ħaddiema tajba biex jaħdmu fl-għalqa tiegħu u biex ikattar il-vokazzjonijiet għall-ħajja konsagrata.
U issa nsellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini. B’mod partikolari nsellem lill-familjari u l-ħbieb tas-saċerdoti novelli; kif ukoll lill-komunità Pontificio Collegio Germanico Ungarico, lsi dalgħodu għamlu l-pellegrinaġġ tradizzjonali tas-Seba’ Knejjes.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: Laikos