L-Erbgħa 22 ta’ Frar huwa Ras ir-Randan. F’dan il-jum, il-Knisja Kattolika tidħol fiż-żmien liturġiku tar-Randan, li jikkonsisti f’erbgħin jum ta’ talb, sawm u karita li jwasslu għall-ikbar festa tal-Knisja Kattolika, l-Għid il-Kbir. Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa Benedittu XVI, dis-sena qed jappella lil dawk kollha li jemmnu sabiex jieħdu kura fraterna tal-oħrajn – f’termini aktar sempliċi, appella biex kulħadd jieħu ħsieb xulxin. Dan l-appell tal-Papa, ħareġ ukoll fis-sejħa tal-Patrijarka tal-Art Imqaddsa, Faud Twal, li appella biex ħadd ma jinsa lill-familji li qed jissieltu biex iżommu ħajja l-preżenza nisranija fl-art fejn Ġesu Kristu għex il-passjoni tiegħu, inqatel u qam mill-mewt. Fi kliemu, “fl-Art Imqaddsa, is-sitwazzjoni mhix inkoraġġanti. Għandna żewġ dimensjonijiet li aħna msejħa ngħixu. L-ewwel, id-dimensjoni tas-sagrifiċċju, kif rifless f’dak ta’ Ġesu nnifsu, u t-tieni, id-dimensjoni tat-tama, tama fil-qawmien”. Isir ukoll l-appell lill-insara madwar id-dinja sabiex, permezz tas-sawm f’dar-Randan, juru qrubija fraterna ma’ ħuthom l-insara fl-Art Imqaddsa.

Fil-messaġġ tiegħu għal dan iż-żmien tar-Randan, il-Papa Benedittu XVI ħeġġeġ sabiex ħadd ma jibqa’ “isolat u indifferenti lejn l-oħrajn”. Fi kliemu, “il-materjaliżmu u li wieħed jemmen li ma jeħtieġx lill-oħrajn, huma ostakli għall-ħajja nisranija ta’ mħabba. Minflok ma wieħed idur l-ewwel lejn Alla, imbagħad lejn l-oħrajn, ħafna qed jispiċċaw irawmu attitudni ta’ indifferenza u d-disinteress li ġej mill-egoiżmu” biex bħal donnu ħadd ma jinvadilhom il-privatezza tagħhom. Il-Papa jżid li l-kmandament tal-imħabba “jitlob minna li nagħrfu r-responsabbilta li għandna lejn l-oħrajn, li bħalna huma ħolqien u wlied Alla”.

Il-messaġġ tal-Papa għar-Randan kien preżentat fil-Vatikan, f’konferenza tal-aħbarijiet ħmistax ilu, li kienet indirizzata mill-President tal-Kunsill Pontifiċju Cor Unum, il-Kardinal Robert Sarah, flimkien mas-Sotto Segretarju tal-istess Kunsill, Mons Segundo Tejado Munoz.

Fil-messaġġ tiegħu, ispirat mill-Ittra lil-Lhud, il-Papa tkellem dwar il-kura lejn l-oħrajn, ir-reċiproċita u l-qdusija personali. Il-Kardinal Sarah, fil-preżentazzjoni tal-messaġġ tal-Papa, irrifletta fost oħrajn dwar il-missjoni profetika tal-Knisja, partikolarment f’sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja u faqar fid-dinja. Temm jgħid li tali sitwazzjonijiet jistgħu jingħelbu billi wieħed imur lejn l-għeruq morali. Ma naqasx milli jsejjaħ il-korruzzjoni, l-akkumulazzjoni ta’ għana, u l-vjolenza, fost oħrajn, bħala l-kanċer wara ieħor li qed idgħajfu s-soċjeta fil-qalba tagħha.