Għada, l-Erbgħa 22 ta’ Frar, il-Knisja tagħti bidu għar-Randan Imqaddes: erbgħin jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Matul ir-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-membri tagħha biex, fost affarjiet oħra, jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti, u jattendu l-Eżerċizzi Spiritwali.

Bħala gwida dwar ċaħda personali u ta’ karita’, l-Isqfijiet iqiegħdu quddiem il-membri tal-Knisja għadd ta’ opri tajba biex jagħżlu minn fosthom dawk li l-iktar jiswewlhom sagrifiċċju.

Dawn l-opri tajba jinkludu s-sehem fil-Quddies nhar ta’ xogħol, l-astinenza minn xorb alkoħoliku, li dak li jkun ma jpejjipx u ċaħda minn xi divertiment. Opri oħrajn huma l-Via Sagra, it-talb mal-familja bħal bir-Rużarju, tnaqqis fl-infiq u żieda fil-karita’ ma’ min hu fil-bżonn, u żjarat lill-morda jew xjuħ li huma waħedhom.

Fl-Ittra Pastorali għar-Randan, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Mario Grech jiddeskrivu r-Randan bħala “żmien meta aħna iktar nasħbu biex nagħżlu li nħarsu ‘l quddiem lejn is-Saltna mwegħda minn Ġesu’ lilna lkoll. Il-ħsieb fuq il-Misteru tal-Għid – il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù – fir-Randan għandu jkun dejjem quddiem għajnejna.” Filwaqt li jibbażaw it-tagħlim tagħhom fuq l-esperjenza Biblika tal-Eżilju, l-Isqfijiet jgħidu li  “l-eżilju tagħna huwa dak kollu li jbegħdna minn Alla. Kulħadd għandu tiegħu, imma nistgħu insemmu ftit eżempji. Meta taħseb li dak li tiddeċiedi inti huwa tajjeb jew ħażin bla ma tagħmel l-ebda rabta mal-Kelma ta’ Alla. Meta taħseb li f’ħajtek m’għandekx bżonn lil Mulej Ġesù u lill-Knisja li ħallilna Hu, ħlief meta tiltaqa’ ma’ xi emerġenza (mard, funeral, problema). Meta tintilef fil-ġirja għall-affarijiet materjali bla ma tagħti każ l-etika u l-ġustizzja. B’mod ġenerali nistgħu ngħidu li nkunu fl-eżilju spiritwali meta f’ħajjietna npoġġu fil-ġenb il-kmandamenti ta’ Alla.”

F’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira kull min għalaq it-18-il sena u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.

Filwaqt li jinkuraġixxu l-penitenza fiż-żmien tar-Randan, l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi jixtiequ jfakkru li, fil-Knisja, fost il-jiem u ż-żmienijiet tal-penitenza hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha.