Aħfrilna dnubietna, agħtina l-paċi tiegħek
I. Nisimgħu l-għajta tal-umanità mhedda
1. Fiż-żerniq ta’ din is-sena l-ġdida mogħtija lilna b’rigal mill-Missier Ċelesti, żmien ta’ Ġublew iddedikat lit-tama, nagħti l-awguri l-aktar sinċieri tiegħi ta’ paċi lil kull raġel u mara, partikolarment min hu mgħakkes minħabba l-kundizzjoni eżistenzjali tiegħu, ikkundannat minħabba l-iżbalji tiegħu, mgħaffeġ taħt il-ġudizzju tal-oħrajn u min ma jirnexxilux jara ebda prospettiva f’ħajtu. Lilkom ilkoll tama u paċi għax din hi Sena ta’ Grazzja ġejja mill-Qalb tar-Redentur!
2. Fl-2025 il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-Ġublew, ġrajja li tfawwar il-qlub bit-tama. “Il-Ġublew” ġej minn tradizzjoni Ġudajka antika meta d-daqq ta’ qarn ta’ muntun (yobel bl-Ebrajk) kull 49 sena, kien iħabbar sena ta’ ħniena u ħelsien għall-poplu kollu (ara Lev 25:10). Dan l-appell solenni idealment kellu jidwi madwar id-dinja kollha (Lev 25:9), biex jerġa’ jġib lura l-ġustizzja t’Alla f’diversi oqsma tal-ħajja: fl-użu tal-art, fil-pussess tal-ġid, fir-relazzjoni mal-proxxmu, fuq kollox fil-konfront tal-aktar foqra u ta’ min kien waqa’ fil-għajb. Il-ħoss tal-qarn kien ifakkar lill-poplu kollu, lil min kien għani u lil min kien ftaqar, li ebda persuna ma tiġi fid-dinja biex tisfa mgħakksa; aħna aħwa, ulied l-istess Missier, imweldin biex inkunu ħielsa skont ir-rieda tal-Mulej (ara Lev 25:17,25,43,46,55).
3. Illum ukoll, il-Ġublew hu ġrajja li tixprunana biex infittxu l-ġustizzja ħelliesa ta’ Alla fl-art kollha. Minflok il-qarn, fil-bidu ta’ din is-Sena ta’ Grazzja, aħna għandna nisimgħu “l-għajta ddisprata għall-għajnuna” [1] li, bħal-leħen ta’ demm Abel il-ġust, titla’ minn kull naħa tad-dinja (ara Ġen 4:10) u li Alla qatt ma jieqaf jagħtiha widen. Min-naħa tagħna nħossu sejħa biex nagħtu leħen lil bosta sitwazzjonijiet ta’ sfruttament fid-dinja u ta’ oppressjoni tal-proxxmu [2]. Kultant, dawn l-inġustizzji jieħdu aspett ta’ dak li San Ġwanni Pawlu II kien iddeskriva bħala “strutturi tad-dnub” [3], għaliex mhumiex konsegwenza biss tal-inġustizzja ta’ xi wħud, imma biex ngħidu hekk, ikkonsolidaw ruħhom u jistrieħu fuq kompliċità mifruxa.
4. B’xi mod, kull wieħed u waħda minna għandna nħossuna responsabbli għad-devastazzjoni li għaddejja minnha d-dar komuni tagħna, ibda minn dawk l-azzjonijiet li, anki indirettament, ikesksu l-kunflitti li qed jifflaġellaw l-umanità. B’hekk jitkesksu u jintisġu sfidi sistematiċi, distinti minn xulxin iżda konnessi bejniethom, li qed jifilġu l-pjaneta tagħna [4]. Qed nirreferi b’mod partikolari għal kull xorta ta’ disparità, għat-trattament inuman li jgħaddu minnu l-migranti, għad-degradazzjoni ambjentali, għall-konfużjoni ġenerata bi ħtija mid-diżinformazzjoni, għar-rifjut ta’ kull tip ta’ djalogu, għall-finanzjamenti rilevanti tal-industrija militari. Huma kollha fatturi ta’ theddida konkreta għall-eżistenza tal-umanità kollha kemm hi. Fil-bidu, ta’ din is-sena, għalhekk, ejjew nisimgħu din l-għajta tal-umanità biex inħossu s-sejħa, ilkoll kemm aħna, flimkien u personalment, ħalli nkissru l-ktajjen tal-inġustizzja biex inxandru l-ġustizzja ta’ Alla. Mhux biżżejjed xi att filantropiku ‘l hawn u ‘l hinn. Hemm bżonn minflok, tibdil kulturali u strutturali, sabiex il-bidla tkun dejjiema [5].
II. Bidla kulturali: ilkoll kemm aħna debituri
5. Il-ġrajja ġubilari tistedinna biex inniedu tibdil ta’ ħafna xorta, biex naffrontaw is-sitwazzjoni attwali tal-inġustizzja u d-diżugwaljanza, waqt lil niftakru li l-ġid tad-dinja mhux qiegħed hemm għal xi wħud privileġġjati biss, imma għal kulħadd [6]. Utli niftakru dak li kiteb San Bażilju ta’ Ċesarea: “Għidli, imma liema affarijiet huma tiegħek? Imnejn ġibthom biex għamilthom parti min ħajtek? … Mhux għeri ħriġt minn ġuf ommok? Mhux għeri għad terġa’ lura lejn l-art? Imnejn wasallek dak li għandek issa? Jekk int tgħid li wasallek b’kumbinazzjoni, tkun qed tinnega lil Alla, ma tkunx qed tagħraf lill-Ħallieq u lanqas tkun rikonoxxenti lejn id-Donatur” [7]. Meta l-gratitudni tiġi nieqsa, il-bniedem ma jagħrafx aktar id-doni ta’ Alla. Fil-ħniena infinita tiegħu, però, il-Mulej ma jabbandunax lill-bnedmin li jidinbu kontrih: pjuttost hu jikkonferma d-don tal-ħajja bil-maħfra tas-salvazzjoni, offruta permezz ta’ Ġesù Kristu. Għalhekk, meta għallimna “l-Missierna”, Ġesù stedinna biex nitolbu: “Aħfrilna dnubietna” (Mt 6:12).
6. Meta persuna tittraskura r-rabta tagħha mal-Missier f’qalbha tibda tinbet l-idea li r-relazzjonijiet mal-oħrajn jistgħu jimxu fuq il-loġika tal-isfruttament, fejn min hu l-aktar b’saħħtu jippretendi li għandu dritt jabbuża lil min hu dgħajjef [8]. Bħall-élites fi żmien Ġesù li kienu japprofittaw ruħhom mit-tbatijiet tal-aktar foqra, bl-istess mod, fil-villaġġ globali inter-konness [9], jekk is-sistema internazzjonali ma tkunx immexxija mil-loġika tas-solidarjetà u inter-dipendenza, tiġġenera inġustizzji eżasperati bil-korruzzjoni, li lill-pajjiżi foqra jdaħħluhom f’nassa. Il-loġika tal-isfruttament tad-debitur tiddeskrivi fi ftit kliem “il-kriżi tad-debitu” ta’ bħalissa li qed tifleġ diversi pajjiżi, speċjalment fin-Nofsinhar tad-dinja.
7. Ma ngħejja qatt intenni li d-dejn barrani sar strument ta’ kontroll li permezz tiegħu xi gvernijiet u istituzzjonijiet finanzjarji privati tal-pajjiżi għonja ma jiskruplawx jisfruttaw b’mod indiskriminat ir-riżorsi umani u naturali tal-pajjiżi l-aktar foqra, biex jissodisfaw l-esiġenzi tas-swieq tagħhom [10]. Ma’ dan inżidu li diversi popolazzjonijiet, diġà mtaqqlin sew bid-dejn internazzjonali, ikollhom ukoll bilfors iġorru l-piż tad-dejn ekoloġiku tal-pajjiżi l-aktar żviluppati [11]. Id-dejn ekoloġiku u d-dejn barrani huma ż-żewġ faċċati tal-istess medalja, ta’ dil-loġika ta’ sfruttament li ġġib magħha kriżi tad-dejn [12]. Nieħu spunt min dis-sena tal-Ġublew, nistieden lill-komunità internazzjonali biex tniedi programmi ta’ maħfra tad-dejn esteru u tagħraf li hemm dejn ekoloġiku bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tad-dinja. Hu appell għas-solidarjetà, imma aktar minn kollox, għall-ġustizzja [13].
8. Il-bidla kulturali u strutturali biex tingħeleb dil-kriżi sseħħ meta sa fl-aħħar ilkoll kemm aħna nagħrfu lil xulxin bħala wlied il-Missier u quddiemu nistqarru li lkoll kemm aħna midjunin, imma li lkoll kemm aħna neħtieġu lil xulxin, skont loġika ta’ responsabbiltà ixxerjata u diversifikata. Inkunu nistgħu niskopru “darba għal dejjem li għandna bżonn xulxin u aħna midjunin ma’ xulxin” [14].
III. Mixja ta’ tama: tliet azzjonijiet possibbli
9. Jekk dan it-tibdil meħtieġ inħalluh imiss lil qlubna, is-Sena tal-Grazzja tal-Ġublew tista’ tiftaħ it-triq tat-tama għal kull wieħed u waħda minna. It-tama tiġi meta nagħmlu esperjenza tal-ħniena t’Alla li m’għandiex limiti [15].
Alla mhu midjun ma’ ħadd, u jkompli jxerred l-grazzja u l-ħniena bla heda fuq il-bnedmin kollha. Iżakk ta’ Ninwè, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja Orjentali tas-seklu VII, kiteb: “Imħabbtek hi akbar mid-dejn tiegħi. Il-mewġ tal-baħar hu ħaġa ċkejkna ħdejn l-għadd ta’ dnubieti, imma jekk niżnu dnubietna, fil-konfront ta’ mħabbtek, jgħibu u jiġu fix-xejn [16]. Alla ma joqgħodx jikkalkula l-ħażin li jagħmel il-bniedem, imma hu “immensament għani fil-ħniena, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna” (Ef 2:4). Fl-istess ħin, hu jisma’ l-għajta tal-foqra tal-art. Biżżejjed nieqfu għal ftit waqtiet, fil-bidu ta’ din is-sena, biex nirriflettu fuq il-grazzja li biha kull darba jaħfer dnubietna u jaħfer id-dejn tagħna sabiex qlubna jfuru bit-tama u bil-paċi.
10. Minħabba f’hekk, fit-talba tal-Missierna Ġesù jdaħħal l-affermazzjoni esiġenti ħafna “kif aħna naħfru lil min hu ħati għalina” wara li nkunu tlabna lill-Missier jaħfer dnubietna (ara Mt 6:12). Biex naħfru d-dejn tal-oħrajn u ntuhom it-tama infatti, hemm bżonn li ħajjitna stess ikollha fiha l-milja tal-istess tama li tiġina mill-imħabba t’Alla. Hemm abbundanza bla limiti fil-ġenerożità għax ma toqgħodx tqis, ma toqgħodx tkejjel id-dejn tad-debitur, ma tħarisx lejn qligħ, iżda l-għan tagħha hu wieħed: terġa’ tqajjem lil min waqa’, tinfaxxa l-qlub miksura, teħles minn kull forma ta’ jasar.
11. Għaldaqstant, fil-bidu ta’ dis-Sena ta’ Grazzja nixtieq nissuġġerixxi tliet azzjonijiet li jistgħu jerġgħu jroddu lura d-dinjità lill-ħajja ta’ popolazzjonijiet sħaħ u jerġgħu jqabbduhom it-triq tat-tama, sabiex tingħeleb il-kriżi tad-dejn u kulħadd jerġa’ jibda jagħraf mill-ġdid li aħna lkoll debituri maħfura.
Qabel kollox, nerġa’ nagħmel tiegħi l-appell li kien għamel San Ġwanni Pawlu II fl-okkażjoni tal-Ġublew tas-sena 2000, i.e. “naraw li jitnaqqas sewwa, jekk mhux possibbli li jitneħħa għal kollox, id-dejn internazzjonali, li qed jhedded il-ġejjieni ta’ tant nazzjonijiet” [17]. Huma u jagħrfu d-dejn ekoloġiku, il-pajjiżi affluwenti għandhom iħossuhom fid-dmir li jagħmlu minn kollox biex jinħafer id-dejn ta’ dawk il-pajjiżi li m’għandhomx mnejn iħallsu lura dak li għandhom jagħtu. Ċertament, biex dan ma jkunx biss att iżolat ta’ benefiċjenza, li mbagħad jirriskja li jerġa’ jdaħħal ċirku vizzjuż ta’ finanzjament-dejn, hemm bżonn li fl-istess ħin tkun żviluppata arkitettura finanzjarja ġdida li toħloq ‘Carta’ finanzjarja globali bbażata fuq is-solidarjetà u fuq l-armonija bejn il-popli.
Minbarra dan, nitlob ukoll impenn sħiħ biex nippromwovu r-rispett lejn id-dinjità tal-ħajja umana, mit-tnissil sal-mewt naturali, sabiex kull persuna tkun tħobb ħajjitha u tħares lejn il-ġejjieni bit-tama u bix-xewqa ta’ żvilupp u hena għaliha u għal uliedha. Mingħajr tama fil-ħajja, infatti jkun diffiċli li fil-qalb taż-żgħażagħ tinbet ix-xewqa li jiġġeneraw ħajjiet oħra. Hawnhekk, b’mod partikolari, irrid għal darb’oħra nagħmel stedina biex isiru ġesti konkreti favur il-kultura tal-ħajja. B’dan nifhem it-tneħħija tal-piena tal-mewt fost in-nazzjonijiet kollha. Infatti, miżura bħal din, minbarra li tikkomprometti l-invjolabbiltà tal-ħajja, telimina kull tama ta’ maħfra u tiġdid [18].
Nazzarda wkoll nipproponi mill-ġdid appell ieħor b’riferiment għal San Pawlu VI u Benedittu XVI [19] għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ f’dan iż-żmien immarkat bil-gwerer: ejjew nużaw għall-anqas perċentwali fissa mill-flus investiti fl-armamenti biex jitwaqqaf Fond Dinji bl-għan li jelimina darba għal dejjem il-ġuħ u biex fil-pajjiżi l-aktar foqra jkun hemm attivitajiet edukattivi immirati lejn promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli, u l-ġlielda kontra t-tibdil fil-klima [20]. Hemm bżonn inneħħu kull pretest li liż-żgħażagħ jista’ jġagħalhom jimmaġinaw li għalihom m’hemmx tama fil-ġejjieni, inkella bħala stennija biex jivvendikaw id-demm tal-għeżież tagħhom. Il-futur hu don biex immorru ‘l hinn mill-iżbalji tal-imgħoddi, ħalli nibnu toroq ġodda ta’ paċi.
IV. L-għan tal-paċi
12. Dawk li permezz ta’ dawn is-suġġerimenti għad jaqbdu l-mixja tat-tama għad jistgħu jaraw eqreb l-għan tal-paċi tant mixtieq bi ħrara. Is-Salmista jikkonfermana b’dil-wegħda: “It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu” (salm 85:11). Meta jien niċħad l-arma tad-dejn u lil oħti, lil ħija nqabbadhom mill-ġdid it-triq tat-tama, inkun qed nikkontribwixxi biex terġa’ ssaltan mill-ġdid il-ġustizzja t’Alla fuq din l-art u nibda mixja ma’ dik il-persuna lejn l-għan tal-paċi. Kif kien jgħid San Ġwanni XXIII, il-vera paċi tista’ tinbet biss minn qalb mhux maħkuma mill-ansjetà u l-biża’ tal-gwerra [21].
13. Jalla l-2025 tkun sena li fiha titkattar il-paċi! Paċi vera u dejjiema, li ma teħilx tfettaq fuq id-dettalji tal-kuntratti jew fuq l-imwejjed tal-kompromessi umani [22]. Ejjew infittxu l-paċi vera, li Alla jagħti lill-qalb mansweta: qalb li ma toqgħodx tikkalkula dwar dak li hu tiegħi u dak li hu tiegħek; qalb li tħoll l-egoiżmu għax twieġeb fil-pront u tmur tiltaqa’ mal-oħrajn; qalb li ma ssibhiex bi tqila tagħraf li hi midjuna ma’ Alla u li għalhekk lesta taħfer id-dejn li jgħakkes lill-proxxmu; qalb li tegħleb il-biża’ tal-futur bit-tama li kull persuna hi riżorsa għal din id-dinja.
14. Il-qalb mansweta hi ħaġa li tolqot lil kulħadd, ibda minn tal-ewwel sa tal-aħħar, miż-żgħar sal-kbar, mill-għonja sal-foqra. Kultant biżżejjed xi ħaġa sempliċi bħalma hi “tbissima, ġest ta’ ħbiberija, ħarsa fraterna, smigħ sinċier, servizz li ma jistenna xejn lura” [23]. B’dawn il-ġesti żgħar imma kbar nersqu qrib l-għan tal-paċi, u naslu aktar malajr, aktar kemm matul it-triq, flimkien ma’ ħutna li nkunu rġajna sibna mill-ġdid, niskopru li nbdilna minn kif konna bdejna. Infatti l-paċi ma tiġix biss għax tintemm il-gwerra, imma bit-tnedija ta’ dinja ġdida, dinja li fiha niskopru lilna nfusna differenti, aktar magħqudin, aktar aħwa minn kif qatt konna nimmaġinaw.
15. Mulej, tina l-paċi tiegħek! Din hi t-talba li nerfa’ lejn Alla filwaqt li nagħti l-awguri għas-sena l-ġdida lill-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet, lil min hu responsabbli fl-organizazzjonijiet internazzjonali, lill-mexxejja tar-reliġjonijiet diversi, lil kull persuna ta’ rieda tajba.
Aħfrilna dnubietna, Mulej,
Bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina,
U f’daċ-ċirku ta’ maħfra agħtina l-paċi tiegħek,
Il-paċi li Int biss taf tagħti,
Lil min irattab qalbu,
Lil min bit-tama jrid jaħfer il-ħtijiet ta’ ħutu,
Lil min bla biża’ jistqarr li hu midjun miegħek,
Lil min ma jagħlaqx widnejh għall-għajta tal-aktar foqra
Mill-Vatikan, 8 ta’ Diċembru, 2024
FRANĠISKU
[1] Spes non confundit. Bolla ta’ indizzjoni tal-Ġublew tat-Tama 2025 (9 ta’ Mejju, 2024), 8.
[2] Ara S. Ġwanni Pawlu II, Ittra app. Tertio millennio adveniente (10 ta’Novembru, 1994), 51.
[3] Enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru, 1987), 36.
[4] Ara Doskors lill-parteċipanti fil-laqgħa mnedija mill-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi u x-Xjenzi Soċjali, 16 ta’ Mejju, 2024.
[5] Ara Eżort. App. Laudate Deum (4 ta’ Ottubru, 2023), 70.
[6] Ara Spes non confundit. Bolla ta’ indizzjoni tal-Ġublew tat-Tama 2025 (9 ta’ Mejju, 2024), 16.
[7] Homilia de avaritia, 7: PG 31, 275.
[8] Ara Enċ. Laudato si’ (24 ta’ Mejju, 2015), 123.
[9] Ara Katekeżi, 2 ta’ Settembru 2020: L’Osservatore Romano, 3 ta’ Settembru, 2020, p. 8.
[10] Ara Diskors lill-parteċipanti tal-Inkontru Debt Crisis in the Global South”, 5 ta’ Ġunju, 2024.
[11] Ara Diskors lll-Konferenza tal-Istati parti mill-Konvenzjoni mlaqqa’ mill-Ġnus Magħquda dwar it-Tbiddil fil-Klima (COP 28), 2 ta’ Diċembru, 2023.
[12] Ara Diskors lill-parteċipanti tal-Inkontru Debt Crisis in the Global South”, 5 ta’ Ġunju, 2024.
[13] Ara Spes non confundit. Bolla ta’ indizzjoni tal-Ġublew tat-Tama 2025 (9 ta’ Mejju, 2024), 16.
[14] Enċ. Fratelli tutti (3 ta’ Otubru, 2020), 35.
[15] Ara Spes non confundit. Bolla ta’ indizzjoni tal-Ġublew tat-Tama 2025 (9 ta’ Mejju, 2024), 23.
[16] Discorso X (Terza collezione), Preghiera con cui i solitari si intrattengono, 100-101: CSCO 638, 115. S. Agostino arriva persino ad affermare che Dio non smette di farsi debitore dell’uomo: «Poiché “nei secoli è la tua misericordia”, ti degni con le tue promesse di diventare debitore di coloro ai quali rimetti tutti i debiti» (ara Confessiones, 5,9,17: PL 32, 714).
[17] Ittra app. Tertio millennio adveniente (10 ta’ Novembru, 1994), 51.
[18] Ara Spes non confundit. Bolla ta’ indizzjoni tal-Ġublew tat-Tama 2025 (9 ta’ Mejju, 2024), 10.
[19] Ara S. Pawlu VI, Enċ. Populorum progressio (26 ta’ Marzu, 1967), 51; Benedittu XVI, Diskors lill-Korp Diplomatiku akkreditat mas-Santa Sede, 9 ta’ Jannar, 2006; Id., Eżort. App. postsin. Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar, 2007), 90.
[20] Ara Enċ. Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru, 2020), 262; Diskors lill-Korp Diplomatiku akkreditat mas-Santa Sede 8 ta’ Jannar, 2024; Discorso alla Conferenza degli Stati parte alla Convenzione quadro delle Nazioni Unite sui cambiamenti climatici (COP 28), 2 dicembre 2023.
[21] Ara Enċ. Pacem in terris (11 ta’ April, 1963), 61.
[22] Ara Mument ta’ talb fl-okkażjoni tal-għaxar sena mill-Invokazzjoni għall-paċi fl-Art Imqaddsa, 7 ta’ Ġunju, 2024.
[23] Ara Spes non confundit. Bolla ta’ indizzjoni tal-Ġublew tat-Tama 2025 (9 ta’ Mejju, 2024), 18.