Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Nerġgħu naqbdu llum ir-riflessjoni tagħna fuq l-Ittra lill-Galatin. Fiha, San Pawl kiteb kliem li ma jmut qatt dwar il-libertà Nisranija. X’inhi l-libertà Nisranija? Illum se nieqfu fuq din it-tema: il-libertà Nisranija.

Il-libertà hija teżor li napprezzawh tassew biss meta nitilfuh. Għal ħafna minna, li mdorrijin ngħixu fil-libertà, spiss tidher iżjed bħala dritt miksub milli bħala don u wirt li rridu nħarsu. Kemm ideat żbaljati dwar it-tema tal-libertà, u kemm viżjonijiet differenti kien hemm matul is-sekli!

Fil-każ tal-Galatin, l-Appostlu ma setax iġerraħ li dawk l-Insara, wara li kienu għarfu u laqgħu l-verità ta’ Kristu, kienu qed iħallu proposti qarrieqa jiġbduhom, u għaddew mill-ħelsien għall-jasar: mill-preżenza ħelliesa ta’ Ġesù għall-jasar tad-dnub, tal-legaliżmu u l-bqija. Illum ukoll il-legaliżmu huwa problema tagħna, ta’ tant Insara li jistkennu fil-legaliżmu, fil-każistika. Allura Pawlu jistieden lill-Insara biex jibqgħu sħaħ fil-libertà li rċivew bil-magħmudija, u ma jerġgħux jaqgħu taħt il-“madmad tal-jasar” (Gal 5:1). Bir-raġun hu għajjur għal-libertà. Jaf li xi “aħwa foloz” – hekk isejħilhom – indiehsu fil-komunità biex “jissindikaw” – hekk jikteb – “il-libertà tagħna li għandna fi Kristu Ġesù ħalli jitfgħuna fil-jasar” (Gal 2:4), biex nerġgħu lura, u Pawlu dan ma jistax jittollerah. Predikazzjoni li tħalli barra l-libertà fi Kristu ma tista’ qatt tkun evanġelika: forsi tkun Pelaġjana jew Ġansenista jew xi ħaġa hekk, imma mhux evanġelika. Qatt ma tista’ ġġagħal lil xi ħadd f’isem Ġesù, ma tistax tjassar lil xi ħadd f’isem Ġesù li jeħlisna. Il-libertà hija don li hu mogħti lilna fil-Magħmudija.

Imma t-tagħlim ta’ San Pawl fuq il-libertà hu fuq kollox pożittiv. L-Appostlu jipproponi t-tagħlim ta’ Ġesù, li nsibuh ukoll fil-Vanġelu ta’ Ġwanni: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom” (8:31-32). Allura s-sejħa hi qabelxejn dik li nibqgħu f’Ġesù, għajn tal-verità li teħlisna. Il-libertà Nisranija, allura, tissejjes fuq żewġ pilastri fundamentali: l-ewwel, il-grazzja tal-Mulej Ġesù; it-tieni, il-verità li Kristu jurina u li hija Hu nnifsu.

Qabelxejn hi don tal-Mulej. Il-libertà li l-Galatin irċivew – u aħna bħalhom bil-Magħmudija – hija frott tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. L-Appostlu jikkonċentra l-predikazzjoni kollha tiegħu fuq Kristu, li ħelsu mir-rabtiet tiegħu mal-ħajja tal-imgħoddi: minnu biss joħroġ il-frott tal-ħajja ġdida fl-Ispirtu. Fil-fatt, il-libertà l-aktar vera, dik mill-jasar tad-dnub, ħarġet mis-Salib ta’ Kristu. Aħna ħielsa mill-jasar tad-dnub bis-salib ta’ Kristu. Proprju hemm fejn Ġesù ħalla lil min isallbu, sar ilsir, Alla qiegħed l-għajn tal-ħelsien għall-bniedem. Din ħaġa li ma tieqaf qatt tgħaġġibna: li l-post fejn aħna mneżżgħin minn kull libertà, jiġifieri l-mewt, jista’ jsir għajn tal-libertà. Imma dan huwa l-misteru tal-imħabba ta’ Alla: ma nifhmuhx malajr, imma ngħixuh. Ġesù nnifsu kien ħabbru meta qal: “Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha” (Ġw 10:17-18). Ġesù jwettaq il-libertà sħiħa tiegħu meta jagħti lilu nnifsu għall-mewt; hu jaf li b’dan il-mod biss jista’ jikseb il-ħajja għal kulħadd.

Pawlu, dan nafuh, kien daq hu stess dan il-misteru ta’ mħabba. Għalhekk lill-Galatin jgħidilhom, b’espressjoni tassew kuraġġjuża: “Issallabt ma’ Kristu” (Gal 2:19). F’dan l-għemil tal-ogħla għaqda mal-Mulej hu jaf li rċieva l-akbar don ta’ ħajtu: il-ħelsien. Mas-Salib, fil-fatt, sallab “il-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu” (5:24). Nistgħu nifhmu x’fidi kbira kienet tmexxi lill-Appostlu, kemm kienet kbira l-intimità tiegħu ma’ Ġesù, u waqt li, minn naħa, inħossu li din lilna tonqosna, min-naħa l-oħra, ix-xhieda tal-Appostlu tagħmlilna l-qalb biex nibqgħu mexjin ’il quddiem f’din it-triq ta’ ħelsien. In-Nisrani hu ħieles, għandu jkun ħieles u hu msejjaħ biex ma jerġax lura lsir ta’ preċetti, ta’ ħwejjeġ strambi.

It-tieni pilastru tal-libertà hija l-verità. Anki f’dan il-każ hemm bżonn niftakru li l-verità tal-fidi mhijiex xi teorija astratta, imma r-realtà ta’ Kristu ħaj, li jmiss direttament is-sens ta’ kuljum u sħiħ tal-ħajja personali. Kemm nies ta’ bla skola, lanqas jafu jaqraw u jiktbu, imma li fehmu tajjeb il-messaġġ ta’ Kristu, għandhom dan l-għerf li jeħlishom! Huwa l-għerf ta’ Kristu li daħal permezz tal-Ispirtu s-Santu bil-Magħmudija. Kemm nies naraw li qed jgħixu l-ħajja ta’ Kristu iktar mit-teologi l-kbar, ngħidu aħna, għax joffru xhieda kbira tal-libertà tal-Vanġelu! Il-libertà teħlisna skont kemm tibdel il-ħajja tagħna u torjentaha lejn dak li hu tajjeb. Biex tabilħaqq inkunu ħielsa għandna bżonn mhux biss li nsiru nafu lilna nfusna, fuq livell psikoloġiku, imma fuq kollox li ngħixu aħna stess il-verità, fuq livell iżjed profond. U hemm, fil-qalb, ninfetħu għall-grazzja ta’ Kristu. Il-verità għandha tħassibna – ejjew nerġgħu lura għal din il-kelma tant Nisranija – it-tħassib. Aħna nafu li hemm Insara li ma jinkwetaw qatt: jgħixu dejjem l-istess, qatt ma hemm ċaqliq fil-qalb tagħhom, hemm nieqes it-tħassib. Għaliex? Għax it-tħassib hu s-sinjal li l-Ispirtu s-Santu qed jaħdem fina u l-libertà hi libertà attiva, imqanqla mill-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk qed ngħidilkom li l-libertà għandha ġġagħalna naħsbu, għandha tpoġġilna dejjem mistoqsijiet quddiemna, biex nistgħu ninżlu dejjem iżjed fil-fond ta’ dak li tassew aħna. B’dan il-mod niskopru li dik tal-verità u tal-libertà hi mixja ta’ taħbit li ttul ħajjitna kollha. Trid titħabat biex tibqa’ ħieles, trid titħabat; imma mhix impossibbli. Kuraġġ, ejjew nimxu ’l quddiem f’dan, jagħmlilna tajjeb. Hija mixja li fiha tiggwidana u tweżinna l-Imħabba li ġejja mis-Salib: l-Imħabba li turina l-verità u tagħtina l-libertà. U din hi l-mixja tal-kuntentizza. Il-libertà teħlisna, tagħmilna ferħana, tagħmilna hienja.

miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard


APPELL

Ħuti,

Ilbieraħ, il-Konferenza tal-Isqfijiet u l-Konferenza tar-Reliġjużi Franċiżi rċevew ir-rapport mill-Kummissjoni indipendenti dwar l-abbuż sesswali fil-Knisja, li tqabbdet tevalwa l-firxa tal-fenomenu ta’ attakki sesswali u vjolenza li saru fuq minuri mill-1950 ’il quddiem. Sfortunatament, dan irriżulta f’numri konsiderevoli. Nixtieq nesprimi lill-vittmi d-dwejjaq u l-uġigħ tiegħi għat-trawmi li ġarrbu u l-mistħija tiegħi, il-mistħija tagħna, il-mistħija tiegħi, li l-Knisja ma kinitx kapaċi tpoġġihom fiċ-ċentru tat-tħassib tagħha, waqt li nwegħedhom it-talb tiegħi. U nitlob u nitolbu lkoll flimkien: ‘Lilek Mulej il-glorja, lilna l-mistħija’: dan hu l-mument tal-mistħija.

Inħeġġeġ lill-isqfijiet u lilkom, għeżież ħuti li ġejtu hawn taqsmu dan il-mument, inħeġġeġ lill-isqfijiet u lis-superjuri reliġjużi biex ikomplu jagħmlu l-isforzi kollha biex traġedji simili ma jerġgħux iseħħu. Nesprimi qrubija u appoġġ paternali lis-saċerdoti ta’ Franza quddiem din l-isfida, li hi iebsa iżda ta’ benefiċċju, u nistieden lill-Kattoliċi Franċiżi biex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom biex jiżguraw li l-Knisja tkun dar sikura għal kulħadd. Grazzi.