Pope on Corpus Christi

Il-Papa Benedittu XVI ġibed l-attenzjoni għall-Jum Dinji tad-Donazzjoni tad-Demm, li se jkun iċċelebrat nhar il-Ħamis li ġej, b’organizzazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Il-Papa esprima apprezzament lejn min jagħti d-demm u sejjaħ dan bħala forma qawwija ta’ solidarjeta li qal li hi indispensabbli għall-ħafna persuni morda. Ir-rimarki tal-Kap tal-Knisja Kattolika waslu wara li hu talab l-Angelus fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan.

Qabel ir-reċita, il-Papa rrefera għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fil-festa ta’ Corpus Domini jew Corpus Christi. Il-Papa enfasizza l-importanza u s-siwi tal-adorazzjoni ewkaristika, li qal li hi parti ċentrali u integrali tal-ħajja tan-nisrani, tal-komunitajiet insara u tal-Knisja in ġenerali.

Il-Papa għadda imbagħad biex wassal il-messaġġ tiegħu lill-pellegrini li jitkellmu bl-Ingliż, u ma naqasx milli jindirizza s-solidarjeta tiegħu lit-Taljani mir-reġjun riċentament milqut mit-terremot fl-Italja ta’ Fuq.