Sa mit-twaqqif tagħha l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ħadmet sabiex tagħti kontribut fuq diversi kwistjonijiet u temi ambjentali billi tagħti l-opinjoni tagħha fuq sitwazzjonijiet partikolari ambjentali u tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli. L-informazzjoni miġbura f’dawn l-istqarrijiet kienet ibbażata fuq riċerka li kienet tinkludi ħarsa lejn il-policies u l-liġijiet ta’ pajjiżna kif ukoll l-iżvilupp storiku tal-kwistjoni.

Minn żmien għal żmien il-KA torganizza diversi attivitajiet sabiex tkompli ssaħħaħ din il-ħidma tagħha fil-komunità billi tagħti informazzjoni xjentifika fuq kwistjonijiet li jolqtu l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Aktar tard dan ix-xahar il-KA qed torganizza kors intensiv dwar il-Ħolqien bl-għajnuna taċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Ambjentali u Riċerka tal-Università ta’ Malta. Dan il-kors se jkun mifrux fuq ħames Sibtijiet u se jittratta suġġetti bħal: L-Użu tal-Ilma, l-Enerġija, l-Iskart, l-Arja, il-Widien u l-Agrikoltura, eċċ. L-għan ewlieni ta’ dan il-kors huwa sabiex il-parteċipanti jiżviluppaw viżjoni aktar ħolistika tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli li tinkludi aspetti naturali, soċjali, kulturali, ekonomiċi, politiċi u spiritwali, kif ukoll isiru midħla tal-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u l-implikazzjonijiet tagħhom fuq l-għażliet li jagħmlu. Il-kors jispiċċa b’irtir fuq il-baħar mifrux fuq jumejn.

Il-kors jibda nhar is-Sibt 23 ta’ Ġunju u l-applikazzjonijiet jintlaqgħu sa’ nhar it-Tnejn 18 ta’ Ġunju 2012.

Min irid aktar informazzjoni jista’ jibgħat  e-mail fuq [email protected] jew iċempel fuq 25906510 jew 25906506.