Pope Francis during Angelus

Qabel ma talab l-Angelus mal-pellegrini u turisti miġbura fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Franġisku fakkar fil-festa li ċċelebrat il-Knisja f’ġieħ it-Trinita Qaddisa. Huwa qal li “id-dawl tal-Għid il-Kbir u t’Għid il-Ħamsin iġedded fina ta’ kull sena il-ferħ u l-kobor tal-fidi li tirrikonoxxi lil Alla mhux bħala xi ħaġa vaga jew astratta imma lil Alla bħala mħabba”.

Il-Papa kompla li t-Trinita Qaddisa mhix il-prodott tar-raġuni umana, imma il-wiċċ li permezz tiegħu Alla rrivela lilu nnifsu fil-mixja tiegħu mal-umnita kollha.

Wara r-reċita tal-Angelus, il-Kap tal-Kattoliċi fakkar fis-saċerdot u martri li kien ibbeatifikat fi tmiem il-ġimgħa, Fr Giuseppe Puglisi, li nqatel mill-Mafja fl-1993. Huwa ddeskrivieh bħala saċerdot eżemplari u bniedem li ddedika ħajtu għall-ministeru taż-żgħażagħ.

Bil-lingwa Taljana, il-Papa kompla billi qal li jiftakar fid-dieqa tal-irġiel u n-nisa u anki tat-tfal li huma sfruttati mill-ħafna ‘Mafias’ li qal li jġiegħluhom jagħmlu xogħol li jirriduċihom fi skjavi, bħall-prostituzzjoni, b’ħafna pressjoni soċjali. Il-Papa ma naqasx milli jitlob sabiex il-Mulej jikkonverti l-qlub ta’ dawn in-nies.

Franġisku sellem lill-gruppi tal-kattoliċi Ċiniżi li jinsabu f’Ruma għal talb għall-Knisja fiċ-Ċina, bl-interċessjoni ta’ Marija, għajnuna tal-insara.