Waqt l-Angelus ta’ nhar ta’ Ħadd il-Papa Franġisku tkellem fuq il-missjoni tal-Insara li jitilfu ħajjithom għal Ġesu’. Huwa spjega kif dan jista’ jsir billi n-Nisrani jistqarr il-fidi tiegħu u jiddefendi l-verita.
Huwa fakkar fil-martri tal-Knisja fl-ewwel żminijiet li batew fix-xiehda li taw bil-fidi tagħhom fi Kristu. Żied jgħid pero li biex persuna tkun martri m’hemmx għalfejn titlef ħajjitha, imma dan jista’ jsir billi ta’ kuljum tkun xhud tal-Fidi Nisranija.
Fl-aħħarnett ma naqasx milli jdur lejn iż-żgħażagħ preżenti fi Pjazza San Pietru u jħeġġeġ lilhom ukoll sabiex ikunu l-ewwel xhieda tal-verita billi ma jiddejqux imorru kontra l-kurrent.
Intant, f’udjenza li kellu man-nunzji, il-Papa Franġisku qal li l-Isqfijiet li jintgħażlu għandhom ikunu qrib tan-nies. Fi kliemu, qal li dawn iridu jkunu bħal missirijiet, aħwa li fihom tidher is-sempliċità u l-ħniena, jgħixu l-faqar, iżda ma jkollhomx sens ta’ kburija.
Ir-rappreżentanti tal-Papa ġew minn bosta pajjiżi differenti għal konferenza ta’ jumejn fil-Vatikan.
Waqt il-konferenza, il-Papa wissihom biex joqogħdu attenti għal min fil-kleru jkun iħares lejn pożizzjoni ogħla. Sab il-kliem biex iqabbel ukoll il-ħajja tan-nomadi ma’ dik tal-ministri fil-Knisja peress li jbiddlu l-parroċċi u ġieli anki d-djoċesi kull tant snin.
Papa Franġisku rrefera wkoll għal-lealtà u l-ħarsien tal-fidi, kif spjegawhom il-predeċessuri tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa emeritus Benedittu XVI. Fisser li huma riedu isqfijiet li jaħdmu kontra valuri kulturali li ma jaqblux mat-tagħlim tal-Knisja, riedu għalliema tal-fidi u nies li jerġgħu jdaħħlu s-sempliċità u l-ferħ fil-Knisja bix-xiehda tagħhom.