Il-Papa Benedittu XVI ngħaqad mal-komunita internazzjonali fil-kundanna għall-massakru fis-Sirja, u appella lill-mexxejja insara u dawk Musulmani fil-pajjiż sabiex jiggwida lill-fidili fit-talb u l-kollaborazzjoni, lejn restawr tal-paċi u l-kalma.
Il-massakru f’Houla fl-aħħar jiem ħalla mal-108 persuni mejta, inkluż 49 tifel u tifla u mal-34 mara. Il-Kunsill Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda kkundanna min-naħa tiegħu l-massakru fuq nies ċivili, u mingħajr ma tefa’ l-ħtija kollha fuq il-Gvern Sirjan, akkużah b’użu ħażin ta’ armi f’żoni residenzjali.
Fi stqarrija pubblika, id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Ġiżwita Federico Lombardi qal li l-massakru “kien mottiv għal sogħba qawwija u tħassib għall-Kap tal-Knisja u l-komunita kattolika kollha kemm hi, kif ukoll għall-komunita internazzjonali li esprimiet ukoll kundanna unanima għal dak li ġara”.
F’appell imġedded għal tmiem kull forma ta’ vjolenza, is-Santa Sede eżortat lill-partijiet kollha involuti u lill-komunita internazzjonali kollha kemm hi sabiex ma taqtax mill-isforzi tagħha biex issolvi l-kriżi permezz tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni.
Fi kliem Lombardi, “il-mexxejja reliġjużi u dawk li jemmnu f’Alla huma msejħa jikkommettu lilhom infushom għall-promozzjoni tal-paċi ferm mixtieqa, għall-ġid tal-popolazzjoni sħiħa”.