Pope Benedict XVI

Il-Papa Benedittu XVI kiteb ittra pastorali lill-Kattoliċi tal-Irlanda b’linjigwida dwar il-prevenzjoni u l-kastig għal abbużi sesswali imwettqa minn saċerdoti fuq it-tfal. Il-Papa jiffirma din l-ittra llum, bil-kontenut tagħha mistenni li jkun ippubblikat mill-Vatikan għada. Illum stess għandha tintbagħat lill-Isqfijiet Irandiżi kollha.

F’rapporti internazzjonali qed jingħad li għadu mhux ċar jekk fl-Ittra Pastorali, li se tinqara l-Ħadd li ġej, il-Papa hux qed jitlob xi forma ta’ apoloġija. Kien irrappurtat li l-Papa qal li jittama li din l-ittra tiegħu tgħin fil-proċess ta’ indiema, fejqan u tiġdid fi ħdan il-Knisja.

Allegati skandli ġodda li jinvolvu saċerdoti kattoliċi kienu rrappurtati f’diversi pajjiżi oħra, inkluż il-Ġermanja. Riċentament, intant, il-Vatikan ikkritika pubblikament l-attentat tal-media li l-Papa jintrabat mal-allegat skandlu ta’ abbużi simili fil-Ġermanja, il-pajjiż fejn twieled. Fl-aħħar xhur, skandli ta’ pedofelija ħolqu impatt fuq il-Knisja fl-Olanda, fl-Awstrija u fl-Isvizzera. Qed jingħad li l-miżuri li l-Papa jsemmi fl-Ittra Pastorali tal-Ħadd li ġej, ma jindirizzawx biss is-sitwazzjoni fl-Irlanda.