Pope Benedict XVI

Il-Papa Benedittu XVI qal li l-fidi nisranija hi indissollubilment marbuta mal-istorja tal-Ewropa, u passi lejn l-għaqda politika tal-kontinent ikunu iżjed b’saħħithom u effettivi jekk wieħed iżomm fmoħħu l-għeruq insara.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika kien qed jindirizza delegazzjonijiet mill-Bulgarija u l-Maċedonja, fost oħrajn, fl-okkażjonitaċ-ċelebrazzjoni tal-ko-patruni tal-Ewropa,San Ċirillu u San Metodju, ċelebrat fil-11 ta’ Mejju fiLvant u fl-14 ta’ Frar fil-Punent. Il-Bulgarija kienet rappreżentata miċ-Chairperson tal-Assemblea Nazzjonali, Tsetska Tsacheva, flimkien ma’ delegazzjoni Kattolika-Ortodossa mill-pajjiż.

“Dawn iż-żewġ qaddisin ifakkru li l-għaqda Ewropea tkun isħaħ jekk imsejsa fuq l-għeruq insara tagħha. Fil-fatt, fl-istorja kumplessa tal-Ewropa, il-Kristjaneżmu jirrappreżenta element ċentrali u diterminanti. Il-fidi nisranija nkorporat il-kultura tal-kontinent fiż-żminijiet l-antiki u għalhekk hi indissollubilment marbuta mal-istorja”, qal il-Papa.

L-Isqof ta’ Ruma enfasizza l-ħtieġa li l-Ewropa tikber spiritwalment u qalli l-għaqda tal-kontinent “tirrapreżenta prospett ta’ tama ikbar”.

“L-Ewropej huma msejħa biex jikkommettu lilhom infushom sabiex joħolqu kundizzjonijiet to koeżjoni profonda u kollaborazzjoni effettiva bejn il-pajjiżi. Biex tinbena Ewropa ġdida fuq pedamenti sodi, mhuwiex biżżejjed l-appell għall-interessi ekonomiċi, imma, anzi, hu meħtieġ li wieħed jitlaq mill-valuri awtentiċi, li għandhom il-bażi tagħhom fil-liġi morali universali imnaqqxa fil-qalb ta’ kull bniedem”, tem mil-Papa Benedittu XVI.

Il-Maċedonja kienet rappreżentata mill-President tal-pajjiż Gjorge Ivanov.