Pope Benedict XVI

Il-Papa Benedittu XVI qal li l-użu tal-kondom huwa aċċettabbli f’ċerti każi, l-iktar biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni bl-HIV. Dawn il-kummenti u oħrajn jinsabu fi ktieb li se jkun ippubblikat nhar it-Tlieta, intitolat ‘Id-dawl tad-Dinja:Il-Papa, il-Knisja u S-Sinjali taż-Żminijiet’ – ktieb ibbażat fuq serje ta’ intervisti li l-Papa ta lill-ġurnalist kattoliku Ġermaniż, Peter Seewald, li jingħad li hu eks komunista u li kkonverta għall-Kristjaneżmu wara laqgħat mal-Papa Ratsinger.

Siltiet mill-ktieb kienu ppubblikati fil-gazzetta tal-Vatikan L’Osservatore Romano fil-ħarġa tal-bieraħ.

Meta kien mistoqsi direttament jekk il-Knisja Kattolika hix fundamentalment kontra l-użu tal-kondom, il-Papa qal li l-użu tal-kondom jista’ jkun ġustifikat skont il-każ partikolari, u dan partikolarment fil-prevenzjoni ta’ tixrid tal-mard bħall-HIV u l-AIDS. Fisser li l-Knisja, fil-kondom ma tarax soluzzjoni reali u morali. Żied li f’ċerti każi, fejn l-intenzjoni hi li jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni, jista’ jkun l-ewwel pass lejn ieħor, lejn sesswalita aktar umana.

Dwar prevenzjoni kontra mard trasmess sesswalment, il-Vatikan dejjem tkellem dwar astinenza. Gruppi kattoliċi li jaħdmu biex tkun missielta l-HIV laqgħu pożittivament il-kummenti tal-Papa.

Lura għal Marzu 2009 waqt żjara fl-Afrika, kummenti tal-Benedittu XVI kontra t-tqassim tal-kondoms kienu ġabu reazzjonijiet madwar id-dinja kollha. Sadanittant, Papa Ratsinger saħaq li l-użu tal-kondom biss, mhux se jsolvi l-problema tal-HIV u l-AIDS. Qal li hemm iktar xi jsir.

Intant, il-ktieb, li se jkun tradott f’madwar 18-il lingwa, jindirizza kwistjonijiet oħra wkoll, li jinkludu l-iskandli marbuta ma’ abbużi sesswali minn membri tal-kleru, iċ-ċelebat u l-ordinazzjoni saċerdotali tan-nisa.