Għeżież ħuti, il-festa t-tajba!
Illum, Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Beata Verġni Marija, il-liturġija hi dominata mill-Magnificat. Dan l-innu ta’ ferħ qisu “ritratt” ta’ Omm Alla. Marija “tifraħ f’Alla għax ħares lejn l-umiltà tal-qaddejja tiegħu (cfr Lq 1, 47-48).
Is-sigiret ta’ Marija hu l-umiltà. Kienet l-umiltà li ġibdet il-ħarsa t’Alla fuqha. L-għajn umana tfittex dejjem il-kobor u titgħammex b’dak li jidher, Alla jħares lejn il-qalb (cfr 1, Sam 16,7) u jħossu msaħħar bl-umiltà: l-umiltà tal-qalb issaħħar ‘l Alla. Illum, aħna u nħarsu lejn Marija Assunta nistgħu ngħidu li l-umiltà hi t-triq li twassal lejn is-Sema. Il-kelma ‘umiltà’ hi mnissla mill-kelma Latina humus, li tfisser “art”. Hu paradossali: biex naslu fl-għoli, fis-Sema, jeħtieġ nibqgħu ‘l isfel, bħall-art! Jgħallimulna Ġesù: “min jiċċekken, jitgħolla” (Lq 14,11). Alla ma jigglorifikaniex minħabba t-talenti tagħna, minħabba r-rikkezzi li jkollna, minħabba l-ħiliet tagħna, imma minħabba l-umiltà; Alla namrat tal-umiltà. Illum, aħna u nħarsu lejn Marija Assunta nistgħu ngħidu li Alla jgħolli lil min jitbaxxa, lil min hu qaddej. Infatti l-uniku “titlu” li Marija tagħti lilha nfisha hu “qaddejja”: Hi “l-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38). Ma tgħid xejn aktar dwarha nfisha, ma tfittex xejn aktar għaliha.
Allura llum nistgħu nistaqsu lilna nfusna, kull wieħed u waħda minna f’qalbna: kif jien fl-umiltà? Nipprova nikseb il-kredtu mingħand ħaddieħor, nimponi ruħi biex ifaħħruni jew ħsiebi hu li naqdi? Naf nisma’, bħal Marija, jew irrid inpaċpaċ biss biex niġbed l-attenzjoni? Naf niskot bħal Marija, jew dejjem inparla? Naf nagħmel pass lura, inraqqad it-tilwim u d-diskussjonijiet jew dejjem infittex li nkun minn fuq? Naħsbu dwar dawn il-mistoqsijiet: fiex tinsab l-umiltà tiegħi?
Fiċ-ċokon tagħha, Marija kienet l-ewwel waħda li kisbet il-ġenna. Is-sigriet tas-suċċess tagħha kien propju li tagħraf iċ-ċokon tagħha, li tagħraf li hi dejjem fil-bżonn. Ma’ Alla hu biss dak li jagħraf ix-xejn tiegħu li jista’ jikseb kollox. Hu biss min jitbattal minnu nnifsu li jista’ jsib il-milja tal-Mulej. U Marija hi “l-mimlija bil-grazzja” (v. 28) propju minħabba l-umiltà tagħha. Il-punt tat-tluq tagħna wkoll dejjem għadnu jkun l-umiltà, il-bidu tal-fidi tagħna. Hu fundamentali li nkunu foqra fl-ispirtu, jiġifieri li neħtieġu lil Alla. Min hu mimli bih innifsu ma jħallix wisa’ għal Alla – u tant drabi aħna mimlijin bina nfusna – imma min jibqa’ umli jippermetti lil Alla jagħmel miegħu ħwejjeġ kbar (cfr v. 49).
Naf nagħmel pass lura, inraqqad it-tilwim u d-diskussjonijiet jew dejjem infittex li nkun minn fuq?
Il-poeta Dante jiddeskrivi lil Marija bħala “l-aktar umli u l-għola fost il-ħlejjaq”
(Paradiso XXXIII, 2). Sabiħ tifhem li l-ħlejqa l-aktar umli u għolja tal-istorja, l-ewwel waħda li kisbet is-sema bil-ġisem u r-ruħ, il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitha qattgħetha bejn il-ħitan tad-dar, b’mod normali, bl-umiltà. Il-ġranet ta’ dik li hi mimlija bil-grazzja ma kien fihom xejn staordinarju. Kienu jgerbu spiss f’rutina, fis-skiet: minn barra xejn ma kien jidher straordinarju. Iżda l-ħarsa t’Alla dejjem baqgħet fuqha, Alla li kien jammira l-umiltà tagħha, id-disponibbiltà tagħha, il-ġmiel ta’ qalbha li qatt ma ttiefset bid-dnub.
Dan hu messaġġ ta’ tama għalina lkoll; għalik li jiemek huma dejjem l-istess, ibsin u spiss diffiċli. Illum Marija tfakkrek li Alla jsejjaħ lilek ukoll għal dan id-destin ta’ glorja. Dan mhux kliem fil-vojt, hu l-verità. Mhux xi tmiem hieni mfassal bi skop, illużjoni jew faraġ falz. Le, hu r-realtà pura, ħajja u minnha bħalma hi vera l-Madonna Mtella’ s-Sema. Nagħmlulha festa llum bl-imħabba ta’ wlied, nagħmlulha festa bil-ferħ imma bl-umiltà, imqanqlin mit-tama li għad inkunu magħha fis-sema!
U issa nitolbuha sabiex takkumpanjana fil-mixja li mill-Art teħodna lejn is-Sema. Jalla tfakkarna li s-sigriet tat-triq jinġabar fil-kelma umiltà, ma ninsewhiex dil-kelma. U li ċ-ċokon u l-qadi huma s-sigrieti li bihom nilħqu l-għan, biex ningħaqdu magħha fis-Sema.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Ngħaqqad it-tħassib tiegħi ma’ dak ġenerali u unanimu minħabba s-sitwazzjoni fl-Afganistan. Nistedinkom titolbu miegħi lil Alla tal-paċi sabiex jieqaf id-damdim tal-armi u jinstabu s-soluzzjonijiet madwar il-mejda tad-djalogu. Hekk biss il-popolazzjoni mifluġa ta’ dak il-pajjiż – irġiel, nisa, anzjani u tfal – tkun tista’ terġa’ lura lejn darha, tgħix fil-paċi u fis-sigurtà b’rispett reċiproku sħiħ.
Fis-sigħat li għaddew kien hemm terremot qawwi f’Haiti li ħalla għadd kbir ta’ mejtin, feruti u ħsarat materjali bla qies. Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi lejn dawk il-popolazzjonijiet għeżież li ntlaqtu tant bl-ikrah mit-terremot. Filwaqt li ngħolli t-talb tiegħi lejn il-Mulej għall-vittmi, kelmti hi waħda ta’ inkoraġġiment lil dawk li baqa’, bit-tama li l-komunità internazzjonali turi interess u tgħinhom. Jalla s-solidarjetà ta’ kulħadd ittaffi l-konsegwenzi ta’ dit-traġedja! Nitolbu flimkien lill-Madonna għal Haiti. Sliema għalik, Marija…
Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi: familji, assoċjazzjonijiet u fidili. Insellem b’mod partikolari lill-grupp minn Santa Giustina in Colle, liż-żgħażagħ minn Carugate, lil dawk minn Sabbio Bergamasco u minn Verona.
Nixtieq ukoll indawwar ħsiebi lejn kull min qed iqatta’ dawn il-jien ta’ ferragosto, fil-postijiet tal-villeġġjatura: nawguralhom serenità u paċi. Però ma nistax ninsa li dawk li ma setgħux imorru għall-btala, dawk li jibqgħu jkunu ta’ servizz għall-komunità u wkoll dawk li jinsabu f’qagħda mwiegħra, li teħżien minħabba s-sħana kbira u minħabba li ċerti servizzi huma magħluqin minħabba l-vaganzi. Qed naħseb b’mod speċjali fil-morda, l-anzjani, il-ħabsin, min hu bla xogħol, ir-refuġjati u l-persuni kollha li jinsabu waħedhom jew f’diffikultà. Jalla Marija tifrex fuqhom il-protezzjoni materna tagħha.
Illum nistedinkom tagħmlu ġest sabiħ: morru f’xi santwarju marjan biex tqimu lill-Madonna; dawk li jinsabu Ruma jistgħu jmorru jitolbu quddiem l-ikona Salus Populi Romani fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-festa tal-Assunzjoni t-tajba! U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: Laikos