Pope Benedict XVI addreses a gathering of cardinals

Waqt ikla mal-Kulleġġ tal-Kardinali biex ifakkar is-seba’ anniversarju minn ftuħ il-Pontifikat tiegħu, il-Papa Benedittu XVI radd ħajr lill-eqreb kollaboraturi tiegħu għall-appoġġ tagħhom fil-jiem ta’ ferħ u anki f’dawk ta’ diffikulta tul iż-żmien li ilu jokkupa l-kariga ta’ Papa, fis-Sede ta’ Pietru.

Il-Papa beda biex radd ħajr ‘l Alla għall-jiem ta’ ferħ u anki għal dawk li sejjaħ ‘l-iljieli mdallma’. Għadd biex jirrifletti dwar il-preżenza tal-ħażen fid-dinja. “Nistgħu naraw kif il-ħażen qed jipprova jiddomina d-dinja permezz ta’ kattiveriji u vjolenza, anki b’modi sottili ħafna fejn jippreżenta lilu nnifsu bħala t-tajjeb, pero li fl-istess waqt ikun ta’ ħażin li hu jeqred il-pedamenti morali tas-soċjeta”, qal il-Papa.

Kompla biex fakkar fit-terminu antic ‘il-Knisja militanti’ u qal li llum hu meħtieġ li “niġġieldu kontra l-ħażen” u fisser li hu għalhekk bżonnjuż li “jkollna ħbieb li jappoġġjawna f’dan”. Ma naqasx milli jirrepeti l-kliem ta’ Kristu nnifsu meta qal, “Agħmlu l-qalb għax jien irbaħt id-dinja”. Temm jgħid lill-Kardinali li “aħna lkoll parti mit-tijm ta’ Kristu u għalhekk ilkoll għad inkunu rebbieħa”.