At the Sunday Regina Coeli prayer, Pope Francis encourages us to look beyond the “empty nets” we can find in life and look always with courage to the Lord who can fill our nets with his overflowing love and consolation, renewing our desire to do good.

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Ġw 21:1-19) jrrakkonta t-tielet dehra ta’ Ġesù rxoxt lill-appostli.  Hija laqgħa li sseħħ qrib l-għadira tal-Galilija u ddur l-aktar madwar Xmun Pietru.  Kollox jibda minnu xħin jgħid lid-dixxipli l-oħra: “Jien sejjer nistad” (v. 3).  Xejn stramb, kien sajjied, imma kien abbanduna dal-mestjier minn meta, propju fuq ix-xtut ta’ dik l-għadira, kien ħalla warajh ix-xbieki biex imur wara Ġesù.  U issa, filwaqt li l-Irxoxt iħalli lil min jistennih, Pietru, forsi ftit jew wisq bla fiduċja, jistieden lill-oħrajn biex jerġgħu jduru lura lejn il-ħajja ta’ qabel.  U l-oħrajn jaċċettaw: “Niġu miegħek aħna wkoll”.  Iżda “dak il-lejl ma qabdu xejn” (v. 3).

L-istess jista’ jiġri lilna, minħabba l-għejja, xi delużjoni, forsi wkoll minħabba l-għażż, ninsew lill-Mulej u nittraskuraw l-għażliet il-kbar li nkunu għamilna, biex nikkuntentaw ruħna b’xi ħaġ’oħra.  Per eżempju, ma niddedikawx ħin biżżejjed biex nitkellmu mal-familja u nippreferu minflok il-passatempi personali; ninsew nitolbu għax mhedijin bil-ħtiġijiet tagħna; ninsew il-karità bl-iskuża li kulma jkollna nagħmlu kuljum huwa aktar urġenti.  Imma meta nagħmlu hekk insibu ruħna delużi: kienet propju d-delużjoni li kellu Pietru, bix-xbieki vojta, bħalu.  Hi propju triq li treġġgħek lura u tħallik bla sodisfazzjon.

U x’jagħmel Ġesù ma’ Pietru?  Imur lura fuq xatt l-għadira fejn kien għażel lilu, lil Indrì, lil Ġakbu u lil Ġwanni, l-erba’ li huma hemmhekk kien għażilhom.  Ma jċanfarx – Ġesù ma jċanfarx, imiss il-qalb, dejjem – imma lid-dixxipli jindirizzahom bil-ħlewwa: “Uliedi” (v. 5).  Imbagħad jistedinhom, bħal darba, biex jerġgħu jkalaw ix-xbiek mill-ġdid, bil-kuraġġ.  U għal darb’oħra x-xbiek jimtlew b’mod inkredibbli.  Ħuti, meta fil-ħajja jkollna x-xbieki vojta, ma jkunx żmien biex noqgħodu nibku lilna nfusna, li naljenaw rasna b’xi ħaġ’oħra, li nerġgħu lura lejn il-passatempi tal-imgħoddi.  Ikun żmien li nerġgħu nitilqu flimkien ma’ Ġesù, żmien li fih insibu l-kuraġġ li nerġgħu nibdew, żmien li naqdfu ‘l barra flimkien ma’ Ġesù.  Tliet verbi: nerġgħu nitilqu, nerġgħu nibdew, naqdfu ‘l barra.  Dan għandna nagħmluh dejjem, quddiem delużjoni jew ħajja li ftit jew wisq tkun tilfet is-sens tagħha – “illum inħoss li mort lura…” – erġa’ itlaq flimkien ma’ Ġesù, aqdef ‘il barra!  Hu qed jistennik.  U qed jaħseb biss fik, f’kull wieħed u waħda minna.

Pietru kellu bżonn dak “ix-xokk”.  Meta jisma’ lil Ġwanni jgħajjat: “Dan il-Mulej!” (v. 7), hu minnufih jintefa’ fl-ilma u jibda’ jgħum lejn Ġesù.  Hu ġest ta’ mħabba, għax l-imħabba tmur lil hinn minn dak li hu utli, konvenjenti, opportun; l-imħabba tiġġenera l-istagħġib, tnebbaħ impulsi kreattivi, gratwiti.  Hekk, meta Ġwanni, l-iżgħar wieħed, jagħraf il-Mulej, ikun Pietru, l-aktar wieħed anzjan, li jintefa’ biex imur jiltaqa’ miegħU.  Dik il-qabża fil-baħar tiġbor fiha l-entużjażmu misjub mill-ġdid ta’ Xmun Pietru.

Għeżież ħuti, illum Kristu rxoxt qed jistedinna għal entużjażmu ġdid, ilkoll, kull wieħed u waħda minna, jistedinna ngħoddsu fit-tajjeb mingħajr biża’ li se nitilfu xi ħaġa, bla ma noqgħodu nqisu xejn, bla ma noqgħodu nistennew lil ħaddieħor jibda.  Għaliex?  Ma noqgħodux nistennew lil ħaddieħor għax biex niltaqgħu ma’ Ġesù hemm bżonn immorru lil hinn minna nfusna.  Hemm bżonn nażżardaw bil-kuraġġ, nerġgħu nibdew, u nerġgħu nibdew bla kompromessi, nirriskjaw.  Nistaqsu lilna nfusna: insib fija ħila li nkun ġeneruż jew inkella rraqqad l-imbuttaturi ta’ qalbi u ningħalaq fid-drawwa jew fil-biża?  Nintefgħu, nintelqu.  Din hi l-kelma ta’ Ġesù llum.

Imbagħad, fl-aħħar ta’ dan l-episodju, Ġesù jdur fuq Pietru u għal tliet darbiet jistqasih: “Tħobbni?” (vv. 15.16).  L-Irxoxt jagħmel dil-mistoqsija lilna wkoll illum: Tħobbni?  Għaliex Ġesù jrid li fl-Għid tqum qalbna wkoll; għax il-fidi mhix kwistjoni ta’ x’taf iżda ta’ mħabba.  Tħobbni?, jistaqsi lilek Ġesù, lili, lilna li x-xbieki tagħna huma vojta u tant nibżgħu nibdew mill-ġdid; lilek, lili, lilna lkoll li neqsin mill-kuraġġ li nintefgħu u li forsi tlifna wkoll l-entużjażmu.  Tħobbni?, jistaqsi Ġesù.  Minn dakinhar Pietru ħalla s-sajd warajh għal kollox u ngħata għas-servizz ta’ Alla u tal-aħwa, sa ma ħallas b’ħajtu hawn, fejn aħna ninsabu issa.  U aħna rridu nħobbuh lil Ġesù?

Il-Madonna li bla tlaqliq qalet “iva” lill-Mulej, tgħinna nsibu mill-ġdid l-entużjażmu għal dak li hu tajjeb.

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ f’Milan ġew beatifikati Dun Mario Ciceri u Armida Barelli.  Tal-ewwel kien viċi-kappillan fil-kampanja; kien dedikat għat-talb u l-qrar, kien iżur il-morda u kien jieħu ħsieb it-tfal tal-oratorju, kien edukatur manswet u gwida ċerta.  Eżempju mdawwal ta’ ragħaj.  Armida Barelli kienet fundatriċi u animatriċi tal-Ġioventù Nisa tal-Azzjoni Kattolika.  Daret l-Italja kollha ssejjaħ lill-bniet u t-tfajliet għal impenn ekkleżjali u ċivili.  Kienet ikkollaborat ma’ Padre Gemelli biex twaqqaf l-Istitut Sekulari Femminili u l-Università Kattolika tas-Sacro Cuore, li propju llum tiċċelebra l-ġurnata annwali u li ad unur tagħha intgħażlet it-tema “Bil-qalb ta’ mara”.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

Illum jibda x-xahar iddedikat lil Omm Alla.  Nixtieq nistieden lill-fidili kollha u lill-komunitajiet biex ta’ kuljum tul ix-xahar ta’ Mejju, jirreċitaw ir-Rużarju għall-paċi.  Il-ħsieb imur dritt lejn il-belt tal-Ukrajna Mariupol, “il-belt ta’ Marija”, li sfat ibbumbardajta barbarament u meqruda.  Issa wkoll, u wkoll minn hawnhekk, inġedded it-talba tiegħi li jinfetħu kuriduri umanitarji għall-persuni maqbudin fin-nassa tal-fabbrika tal-ħadid ta’ dik il-belt.  Insofri u nibki xħin niftakar fit-tbatijiet tal-popolazzjoni ukrena u partikolarment dik l-aktar dgħajfa, l-anzjani u t-tfal.  Qed jaslu saħansitra aħbarijiet terribbli ta’ tfal imkeċċijin jew deportati.

U filwaqt li qed nassitu għar-rigress makabru tal-umanità, nistaqsi lili nnifsi, flimkien ma’ tant persuni mimlijin ansjetà, jekk hux veru li qed isir sforz biex tinkiseb il-paċi; jekk hemmx ir-rieda li tkun evitata l-iskalata militari u verbali; jekk hux qed isir dak kollu possibbli biex jissiktu l-armi.  Nitlobkom, ma nċedux quddiem il-loġika tal-vjolenza, quddiem l-ispirali perversa tal-armi.  Ejjew naqbdu t-triq tad-djalogu u tal-paċi!  Nitolbu.

U llum hi l-festa tax-xogħol.  Jalla jkun xprun biex jiġġedded l-impenn sabiex kullimkien u għal kulħadd, ix-xogħol iseddaq id-dinjità.  U sabiex mid-dinja tax-xogħol tinbet ir-rieda li tikber ekonomija ta’ paċi.  U rrid infakkar il-ħaddiema li mietu fuq ix-xogħol: traġedja mifruxa ħafna, forsi żżejjed ukoll.

Pitgħada, it-3 ta’ Mejju, ikun il-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa, taħt il-partoċinju tal-UNESCO.  Nagħti ġieħ lill-ġurnalisti li jħallsu personalment biex ikunu ta’ servizz għal dan id-dritt.  Is-sena li għaddiet, fid-dinja, inqatlu 47 u aktar minn 350 spiċċaw il-ħabs.  Grazzi speċjali li dawk fosthom, li bil-kuraġġ jinfurmawna dwar il-pjagi tal-umanità.

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi.  Insellem partikolarment lill-fidili ġejjin minn Spanja, il-Portugall u mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll lill-parroċċa maronita ta’ Nażaret u dik ta’ Santa Rita ta’ Varsavja.  Insellem lill-kor “Jubilate” minn Conselve u lill-istudenti minn Mascalucia.  Ħsieb speċjali lill-Assoċjazzjoni “Meter” li minn ħafna snin ‘l hawn baqgħet tiġġieled il-vjolenza u l-abbużi fuq il-minuri, u dejjem żammet man-naħa taż-żgħir.  U nsellem ukoll liż-żgħażagħ tal Immacolata.

Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Sors: laikos.org