Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum naraw reazzjoni mhux tas-soltu minn Ġesù: jitlef sabru.  U l-aktar ħaġa sorprendenti hi li ma kinux il-fariżej, li biex jippruvaw jonsbuh jagħmlulu mistoqsijiet dwar jekk id-divorzju hux leċitu, li tilfulu sabru, imma d-dixxipli tiegħu infushom, li biex iħarsuh mir-rassa tal-folla jċanfru xi tfal li tressqu lejn Ġesù.  Fi kliem ieħor, il-Mulej ma jisbilx għal min irid jiddiskuti miegħu, imma għal min, biex iserrħu mill-għejja, ibiegħed minnu lit-tfal. Għaliex? Mistoqsija sabiħa: għaliex iġib ruħu hekk il-Mulej?

Nitfakru – kif kellna fl-Evanġelju ta’ ħmistax ilu – li meta ħaddan lit-tifel, Ġesù identifika ruħu maż-żgħar: kien għallem  li huma propju ż-żgħar, jiġifieri dawk li jiddependu mill-oħrajn, li huma fil-bżonn bla ma jistgħu jroddu xejn lura, li għandhom ikunu moqdijin l-ewwel (cf,r Mk 9,35-37).  Min ifittex lil Alla hemm se jsibu, fiż-żgħar, f’min hu fil-bżonn: fil-bżonn mhux biss tal-ħwejjeġ materjali imma fil-bżonn tal-kura, tal-faraġ, bħalma huma l-morda, l-umiljati, il-priġunieri, l-immigrati, il-ħabsin.  Hu hemmhekk jinsab: fiż-żgħar.  Għalhekk jitelf sabru Ġesù: kull offiża li ssir liż-żgħir, lil xi fqir, lit-tfal, lil xi ħadd bla difiża, tkun qed issir lilu.

Illum il-Mulej jerġa jdur lejn dan it-tagħlim u jġibu għall-milja.  Infatti jżid: “Min is-Saltna t’Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken, ma jidħolx fiha” (Mk 10,15).  Din hi n-novità: id-dixxiplu mhux biss għandu jaqdi liż-żgħir iżda għandu jagħraf lilu nnifsu bħala żgħir.  U kull wieħed u waħda minna ngħarfu li aħna żgħar quddiem Alla?  Nirriflettu ftit, ikun ta’ għajnuna għalina.  Huwa indispensabbli li nagħrfu li aħna żgħar, li nagħrfu li neħtieġu s-salvazzjoni, biex nilqgħu lill-Mulej.  Ikun l-ewwel pass biex ninfetħu għalih.  Spiss però, dan ninsewh.  Fil-ġid u fis-saħħa nilludu ruħna li aħna awtosuffiċjenti, li m’għandniex bżonn Alla.  Ħuti, dan hu ingann għax ilkoll kemm aħna ninsabu fil-ħtieġa, ilkoll żgħar.  Hemm bżonn infittxu ċ-ċkunija tagħna u nagħrfuha.  U hemmhekk insibu lil Ġesù.

Li fil-ħajja nagħrfu ċ-ċokon tagħna hu l-punt tat-tluq biex nimmaturaw.  Jekk naħsbu ftit aħna ma nimmaturawx bis-suċċessi u bis-saħħa ta’ dak li jkollna, imma fuq kollox, fil-waqtiet tat-taqbid u d-dgħufija.  Huwa hemmhekk, fil-waqt tal-bżonn, li nimmaturaw.  Hemmhekk, fil-ħin tal-bżonn, nimmaturaw: niftħu qlubna għal Alla, għall-oħrajn, għas-sens tal-ħajja.  Niftħu għajnejna għall-oħrajn.  Meta nħossu ċ-ċokon tagħna, niftħu għajnejna u nsibu l-veru sens tal-ħajja.  Meta nħossu ċ-ċokon tagħna quddiem problema, iċ-ċokon tagħna quddiem is-salib, marda, meta nħossu l-għejja u s-solitudni, ma naqtgħux qalbna.  Tkun tiċċarrat il-maskra tas-superfiċjalità u tfiġġ mill-ġdid id-dgħufija radikali tagħna: din hi l-bażi komuni tagħna, it-teżor tagħna, għaliex ma’ Alla d-dgħufijiet mhumiex ostakli, iżda opportunitajiet.  Talba sabiha tista’ tkun din: “Mulej, ħares lejn id-dgħufijiet tiegħi….” u nagħmlulu l-lista tagħhom.  Dan hu atteġġjament tajjeb quddiem Alla.

Infatti, propju fid-dgħufija, niskopru kemm Alla jieħu ħsiebna.  L-Evanġelju tal-lum jgħidilna li Ġesù hu teneru ħafna maż-żgħar: “iħaddanhom miegħu, iberikom u jqiegħed idejh fuqhom” (v. 16).  Il-kuntrarju, is-sitwazzjonijiet li jikxfu d-dgħufija tagħna huma okkażjonijeit privileġġajti biex nagħmlu esperjenza ta’ mħabbtu.  Jafu tajjeb dan min jtilob bil-perseveranza: fil-waqtiet tad-dlam jew ta’ solitudni, – biex ngħidu hekk – inħossu aktar sfiq it-tenerezza t’Alla magħna.  Meta aħna nkunu ċkejknin, it-tenerezza t’Alla nġarrbuha aktar.  Din it-tenerezza ttina l-paċi, din it-tenerezza tgħinna nikbru għax Alla jersaq lejna bil-mod tiegħu, li hi qrubija, ħniena u tenerezza.  U meta aħna nħossuna xejn, jiġifieri żgħar, hi x’inhi r-raġuni, il-Mulej jersaq aktar qribna u aħna nħossuh aktar magħna.  Itina l-paċi, jgħinna nikbru.  Fit-talb il-Mulej jgħannaqna miegħu, bħalma jagħmel missier ma’ ibnu.  B’hekk nikbru: mhux bil-pretensjoni illużorja tal-awtosuffiċjenza tagħna – din ma timmatura lil ħadd – imma bil-qawwa li kull tama tagħna nqegħduha fil-Missier.  Propju kif jagħmlu t-tfal, hekk jagħmlu.

Illum ntolbu lill-Verġni Marija grazzja kbira, dik taċ-ċokon: inkunu tfal li jafdaw f’Missierhom, ċerti li Hu żgur mhux se jonqos li jieħu ħsiebna.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Tnikkitt bil-bosta minħabba dak li ġara dawn l-aħħar jiem fil-ħabs ta’ Guayaquil, fl-Ekwador.  Splużjoni terribbli ta’ vjolenza bejn il-ħabsin ta’ gruppi rivali ħalliet aktar minn mitt vittma u bosta feruti.  Nitlob għalihom u għall-familji tagħhom.  Alla jgħinna nfejqu l-pjagi tal-krimini li jjassru lill-aktar foqra.  U jgħin li kull min jaħdem kuljum biex il-ħajja fil-ħabsijiet jagħmilha aktar umana.

Nixtieq mill-ġdid nitlob b’ħerqa lil Alla d-don tal-paċi għall-maħbuba art tal-Myanmar: sabiex idejn dawk li jgħixu hemm ma jkollhomx għalfejn ikomplu jixxuttaw id-dmugh tan-niket u tal-mewt, imma jkunu jistgħu jingħaqdu biex jegħlbu d-diffikultajiet u jaħdmu flimkien biex tinġieb il-paċi.

Illum f’Catanzaro qed ikunu beatifikati Maria Antonia Samà u Gaetana Tolomeo, żewġ nisa li għexu ħajjithom kollha bla ma jistgħu jiċċaqalqu.  Imweżnin mill-grazzja divina, ħaddnu s-salib tal-mard tagħhom u bidlu t-tbatija f’tifħir lill-Mulej.  Soddithom saret punt ta’ riferiment spiritwali u mkien ta’ talb u ta’ tkabbir nisrani għal ħafna nies li ħdejhom kienu jsibu faraġ u tama.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

F’dal-Ħadd ta’ Ottubru, il-ħsieb itir lejn il-fidili miġburin fis-Santwarju ta’ Pompej biex jirreċitaw is-Supplika lil-Verġni Marija.  Tul dax-xahar inġeddu flimkien l-impenn li nitlobu r-Rużarju Mqaddes.

Insellem lilkom ilkoll għeżież rumani u pellegrini!  Partikolarment lill-fidili minn Wépion, mid-djoċesi ta’ Namur fil-Belġju,  liż-żgħażagħ minn Uzzano, fid-djoċesi ta’ Pescia; lill-adoloxxenti bid-diżabbiltà li ġew minn Modena akkumpanjati mill-Piccole Sorelle di Ġesù Lavoratore u mill-volontarji.  Dwar dan, illum fl-Italja hu l-jum iddedikat biex jitkissru l-barrieri arkitettoniċi: kulħadd jista’ jagħti daqqa t’id biex fis-soċjetà ħadd ma jibqa’ mwarrab.  Grazzi tal-ħidma tagħkom.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Ukoll lill-adoloxxenti tal-Immakulata!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos