Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna l-parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra’ (cfr Mt 13,1-23).  It-tixbiha taż-żergħa hi sabiħa ħafna u Ġesù jużaha biex jiddeskrivi d-don tal-Kelma tiegħu.  Nimmaġinaw żerriegħa waħda: żgħira, kważi lanqas taraha, imma tkabbar pjanti li jagħtu l-frott. Hekk hi l-Kelma t’Alla; niftakru fl-Evanġelju, mhux ktieb kbir, jista’ jiksbu kulħadd, li jipproduċi ħajja ġdida f’min jilqgħu.  Għalhekk, jekk il-Kelma hi ż-żerriegħa, aħna l-art: nistgħu nirċevuha inkella le. Però Ġesù, “il-bidwi t-tajjeb”, qatt ma jgħejja jiżragħha bil-ġenerożità. L-art tagħna jafha, jaf liema hu l-ġebel tal-inkonsistenza tagħna u (jaf) li x-xewk tal-vizzji tagħna (cfr vv. 21-22) jistgħu joħonqu Kelmtu, madankollu jittama, jittama dejjem li aħna nistgħu nagħmlu frott abbundanti cfr v. 8).

Hekk jagħmel il-Mulej u aħna msejħin biex nagħmlu l-istess: biex niżirgħu bla qatt ngħejjew.  Imma kif jista’ jsir dan, li niżirgħu bla heda bla qatt ngħejjew?  Ħa naraw xi eżempji.

L-ewwelnett il-ġenituri: huma jiżirgħu t-tajjeb u l-fidi f’uliedhom, u msejħin biex dan jagħmluh bla ma jitilfu l-kuraġġ jekk xi drabi jidher li uliedhom ma jifhmuhomx u ma japprezzawx tagħlimhom, jew jekk il-mentalità tad-dinja “taqdef kontra”.  Iż-żerriegħa t-tajba tibqa’, dan jgħodd, u fiż-żmien it-tajjeb, tagħmel l-għeruq. Imma jekk iċedu u tirkibhom l-isfiduċja, jirrifjutaw li jiżirgħu u jħallu lil uliedhom ilsiera tal-moda u tal-mowbajl, bla ma jiddedikawlhom ħin, bla ma jedukawhom, l-art fertili timtela ħaxix ħażin. Ġenituri, qatt tehdew tiżirgħu f’uliedkom!

Inħarsu issa lejn iż-żgħażagħ: huma wkoll jistgħu jiżirgħu l-Evanġelju fir-raddiet tal-ħajja ta’ kuljum.  Per eżempju bit-talb: hi żerriegħa ċkejkna li ma tidhirx, iżda li biha kulma jingħex fil-ħajja jkun afdat f’idejn Ġesù, u hekk, Hu jkun jista’ jkabbru.  Imma qed naħseb ukoll fil-ħin li jista’ jingħata lill-ħaddieħor, lil min l-aktar għandu bżonnu: jista’ jidher ħin moħli, iżda hu ħin qaddis, filwaqt li s-sodisfazzjonijiet fiergħa tal-konsumiżmu u tal-edoniżmu jħallu lil dak li jkun b’idejh vojta. U naħseb ukoll fl-istudju: verament, hu iebes u mhux dejjem jagħti sodisfazzjon minnufih, bħal meta tintefa’ ż-żergħa, imma hu essenzjali biex jinbena ġejjieni aħjar għal kulħadd.

Rajna l-ġenituri, rajna ż-żgħażagħ; issa nħarsu lejn dawk li jiżirgħu l-Evanġelju, ħafna saċerdoti bravi, reliġjużi u lajċi impenjati fit-tħabbir, li jgħixu u jipprietkaw il-Kelma t’Alla spiss bla ma jkollhom riżultati immedjati. Meta nħabbru l-Kelma ma ninsew qatt li wkoll fejn donnu jidher li mhu qed jiġri xejn, fil-verità jkun qed jaħdem l-Ispirtu s-Santu u s-Saltna t’Alla tkun diġà qed tikber, bis-saħħa tal-isforzi tagħna u aktar ‘l hinn minnhom. Għalhekk, nibqgħu għaddejjin bil-ferħ għeżież ħuti rġiel u nisa!  Niftakru fil-persuni li żergħu l-Kelma t’Alla f’ħajjitna – kull wieħed u waħda minna naħsbu: kif bdiet il-fidi tiegħi? -; forsi warrdet snin wara li konna ltaqjna mal-eżempji tagħhom, imma dan ġara propju minħabba fihom!

Fid-dawl ta’ dan kollu nistgħu nistaqsu lilna nfusna: jien niżra’ t-tajjeb?  Inħabbel rasi biss biex niġbor għalija jew biex niżra’ għall-oħrajn ukoll?  Nitfa’ xi żerriegħa tal-Evanġelju fil-ħajja ta’ kuljum: fl-istudju, fix-xogħol, fil-ħin liberu? Naqta’ qalbi jew, bħal Ġesù nkompli niżra’ anki jekk ma narax riżultati minnufih? Marija, li llum qed inqimuha bħala l-Beata Verġni tal-Għolja tal-Karmelu, tgħinna nkunu bdiewa ġenerużi u ferħana tal-Bxara t-Tajba.

Sors: laikos.org