Tlesta l‑proġett ta’ restawr fuq il‑faċċata, u fuq il‑ġenb tal‑kampnar tax‑xellug tal‑knisja parrokkjali tal‑Qrendi, proġett li sar b’investiment ta’ €84,000 li 80% minnhom kienu kofinanzjati minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Il‑proġett ġie inawgurat mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Chris Bonett u mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi. Preżenti għall‑inawgurazzjoni kien hemm ukoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, l‑Amministratur Parrokkjali Dun Mario Said.

Permezz ta’ dan ix‑xogħol ta’ restawr, li għalih ikkontribwixxew ukoll il‑parruċċani tal‑Qrendi, tnaddfet il‑ġebla tal‑faċċata u tal‑kampnar, u xi wħud mill‑ġebel kellu jinbidel minħabba deterjorazzjoni tal‑ġebla kawża tal‑espożizzjoni għall‑elementi naturali u t‑tniġġis tal‑arja. 

Waqt l‑inawgurazzjoni ta’ dan il‑proġett, l‑Isqof Joseph Galea‑Curmi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom f’din il‑ħidma flimkien ta’ restawr tal‑knisja tal‑Qrendi. Hu qal li restawr magħmul b’għaqal hu kontribut ta’ ġid kbir għas‑soċjetà Maltija. Il‑Knisja f’Malta qed taħdem bis‑sħiħ biex ilkoll napprezzaw il‑patrimonju kulturali li għaddewlna l‑antenati tagħna, u nieħdu ħsiebu biex nistgħu ngawduh aħna u nħallu wirt sabiħ lill‑ġenerazzjonijiet futuri.

Is‑Segretarju Parlamentari Chris Bonett sostna li permezz tal‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali qegħdin jiġu investiti madwar €4 miljuni biex jintużaw mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta sabiex jitwettqu proġetti ta’ restawr fuq 33 knisja f’Malta bil‑għan li titwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal‑wirt kulturali ekkleżjastiku. Huwa ħabbar proġett ieħor ta’ restawr fuq il‑knisja tal‑Qrendi, fejn se jiġu rrestawrati l‑faċċati tas‑sagristija tal‑lemin, taħt il‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali, Assi Prijoritarju 5 (AP).  “Bħala Gvern qed nappoġġjaw wkoll investimenti f’wirt kulturali li meqjus fuq skala iżgħar biex inkomplu niżviluppaw l‑wirt nazzjonali ta’ Malta fir‑rigward tas‑sostenn tal‑iżvilupp tan‑negozju u t‑tisħiħ tal‑industrija tat‑turiżmu ta’ Malta li hija waħda mill‑muturi ewlenin tal‑ekonomija Maltija” tenna Dr Bonett.

Fid‑diskors tiegħu, Michael Pace Ross qal li r‑restawr li sar fuq il‑knisja tal‑Qrendi mhux biss se jkompli jikkontribwixxi għat‑titjib tal‑valur reliġjuż u storiku ta’ din il‑knisja, iżda wkoll se jsaħħaħ il‑prodott turistiku fin‑nofsinhar ta’ Malta. Huwa rringrazzja lill‑kumpanija tar‑restawr ReCoop u lill‑konsulenti tal‑EMCS li mingħajrhom il‑proġett ma kienx ikun possibbli.

Il‑knisja parrokkjali tal‑Qrendi, li hi ddedikata lil Marija Assunta, inbniet fl‑1620, fuq art fejn qabel kien hemm żewġ kappelli oħra żgħar. Il‑knisja għandha forma ta’ kurċifiss, b’koppla, żewġ kampnari fuq kull naħa, u żewġ sagristiji. Din hi waħda minn għadd ta’ knejjes f’Malta li qed jibbenefikaw mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020.