Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum fl-Italja u f’pajjiżi oħra qed tkun iċċelebrata s-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. L-Evanġelju jtina r-rakkont tal-Aħħar Ikla (Mk 14,12-16.22-26). Il-kliem u l-ġesti tal-Mulej imissulna qlubna: Hu jieħu l-ħobż f’idejh, jgħid il-barka, jaqsmu u jnewlu lid-dixxipli filwaqt li jgħidilhom: “Ħudu, dan hu ġismi” (v. 22).
Hekk, bis-sempliċità, Ġesù jtina l-akbar sagrament. Il-ġest tiegħu hu wieħed umli u ta’ għotja, ġest ta’ qsim. Fl-aħjar ta’ ħajtu ma jqassamx il-ħobż biex ixabba’ lill-folla, imma jqassam lilu nnifsu fl-ikla tal-Għid, flimkien mad-dixxipli. B’hekk Ġesù jurina li l-għan tal-ħajja jinsab fl-għotja, li l-akbar ħaġa hi l-qadi. U llum aħna nsibu l-kobor t’Alla f’loqma ħobż, fi dgħufija mfawra bl-imħabba, mfawra bil-kondiviżjoni. Il-kelma li nixtieq nagħfas fuqha hi propju l-kelma ‘dgħufija’ ‘fraġilità’. Ġesù jsir fraġli bħall-ħobż li jinqasam u jitfarrak. Imma l-qawwa tiegħu hemmhekk tinsab, fil-fraġilità tiegħu. Fl-Ewkaristija, il-fraġilità hija qawwa: qawwa tal-imħabba li tiċċekken biex inkunu nistgħu nilqugħha, mhux nibżgħu minnha; qawwa tal-imħabba li tinkiser u titqassam biex tmantni u tagħti l-ħajja; qawwa tal-imħabba li ssir bi ċċiet biex tiġbor lilna lkoll f’għaqda waħda.
U hemm qawwa oħra evidenti fil-fraġilità tal-Ewkaristija: il-qawwa li min jiżbalja hu maħbub. Huwa propju fil-lejl li fih kien ittradut li Ġesù jtina l-Ħobż tal-Ħajja. Itina l-akbar rigal filwaqt li f’qalbu qed iħoss abbiss mill-aktar profond: id-dixxiplu li qed jiekol miegħu, li qed ibill il-bukkun fl-istess platt tiegħu, qed jittradih. U t-tradiment hu l-akbar uġigħ għal min iħobb. U x’jagħmel Ġesù? Għal-‘le’ ta’ Ġuda, jwieġeb bl-‘iva’ tal-ħniena. Ma jikkastigax lill-midneb, imma jagħti ħajtu għalih, iħallas għalih. L-istess jagħmel magħna Ġesù meta nirċievu l-Ewkaristija: jafna, jaf li aħna midinbin, jaf li niżbaljaw ħafna, imma ma jirroftax jgħaqqad ħajtu ma’ tagħna. Jaf li neħtiġuh għax l-Ewkaristija mhix il-premju għall-qaddisin, le, imma l-ħobż għall-midinbin. Għalhekk Hu jħeġġiġna: “Tibżgħux! Ħudu u kulu”.
Kull darba li nirċievu l-Ħobż tal-Ħajja, Ġesù jiġi biex jagħti sens ġdid lid-dgħufijiet tagħna. Ifakkarna li f’għajnejh aħna aktar prezzjużi milli naħsbu. Jgħidilna li jkun hieni jekk naqsmu miegħu d-dgħufijiet tagħna. Itennielna li l-ħniena tiegħu ma tibżax mill-miżerji tagħna. Il-ħniena ta’ Ġesù ma tibżax mill-miżerji tagħna. U, fuq kollox, tfejjaqna bl-imħabba minn dawk id-dgħufijiet li waħedna ma nistgħux infiequ minnhom. Liema dgħufijiet? Naħsbu ftit. Dik li nżommu f’qalbna għal min ikun weġġgħana – minn dan ma nistgħux infiequ waħedna -; dik li ninqatgħu mill-oħrajn u ningħalqu fina nfusna – minn dan ma nistgħux infiequ waħedna -; dik li nitħassru lilna nfusna u dejjem nilmentaw bla qatt ma nkunu fil-paċi; f’dan ukoll waħedna ma nistgħux infiequ. Huwa Hu li jfejjaqna bil-preżenza tiegħu, bil-ħobż tiegħu, bl-Ewkaristija. L-Ewkarsitija hi l-mediċina effikaċi kontra dan l-għeluq kollu. Il-Ħobż tal-Ħajja, infatti, ifejjaq l-ebusija u jibdilha f’doċilità.
L-Ewkaristija tfejjaq għax tgħaqqadna ma’ Ġesù: iġġagħalna nagħmlu tagħna l-istil tal-ħajja tiegħu, il-ħila li jinqasam u jingħata lill-aħwa, li għall-ħażin inwieġbu bit-tajjeb. Itina l-kuraġġ li noħorġu minna nfusna u bl-imħabba mmilu lejn il-fraġilità tal-ieħor. L-istess kif jagħmel Alla magħna. Din hi l-loġika tal-Ewkaristija: nirċievu lil Ġesù li jħobbna u jfejjaq id-dgħufijiet tagħna sabiex aħna nħobbu lill-oħrajn u ngħinuhom fid-dgħufijiet tagħhom. U dan nagħmluh tul ħajjitna kollha. Illum, fil-Liturġija tas-Siegħat tlabna b’innu: erba’ vrus li jiġbru fil-qosor il-ħajja kollha ta’ Ġesù U jgħidulna li meta twieled hekk, sar kumpann tal-vjaġġ tal-ħajja tagħna. Imbagħad waqt l-Ikla ingħata bħala ikel. U fis-salib, f’mewtu, sar rahan: ħallas għalina. U issa fis-Saltna tas-Smewwiet hemm il-premju tagħna biex aħna mmorru nfittxu dak li hemm jistenniena (cfr Innu tal-Lawdi tal-Festa ta’ Corpus Domini: Verbum Supernum Prodiens).
Il-Verġni Mqaddsa, li fiha Alla sar bniedem, tgħinna nilqgħu b’qalb grata d-don tal-Ewkaristija, u sabiex aħna wkoll ħajjitna nagħmluha don. Jalla l-Ewkaristija tagħmilha don għall-oħrajn kollha.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
qed insegwi b’niket l-aħbarijiet li ġejjin mill-Kanada dwar is-sejba inkwetanti tal-fdalijiet ta’ 215 tfal, studenti fi Kamloops Indian Residential School, fil-provinċja tal-British Columbia. Ningħaqad mal-Isqfijiet kanadiżi u mal-Knisja kattolika kollha tal-Kanada biex nesprimi l-qrubija tiegħi mal-poplu kanadiz, ixxukkjat għall-aħħar b’din l-aħbar li tkexkex. Din is-sejba ta’ swied il-qalb tkompli ssaħħaħ l-għarfien tal-uġigħ u tat-tbatijiet tal-imgħoddi. L-awtoritajiet politiċi u reliġjużi tal-Kanada għandhom ikomplu jikkollaboraw b’rieda soda biex dik il-ġrajja ta’ niket toħroġ għad-dawl u biex bl-umiltà jimpenjaw ruħhom f’mixja ta’ rikonċiljazzjoni u fejqan.
Dawn il-waqtiet diffiċli huma sejħa qawwija għalina lkoll biex nitbiegħdu mill-mudell kolonizatur, u wkoll mill-kolonizzazzjoni ideoloġika tal-lum, u nimxu id f’id bid-djalogu, bir-rispett reċiproku u bl-għarfien tad-drittijiet u tal-valuri kulturali tal-ulied kollha tal-Kanada.
Nafdaw f’idejn il-Mulej l-erwieħ ta’ dat-tfal li mietu fi skola residenzjali fil-Kanada u nitolbu għall-familji u l-komunitajiet awtoktoni tal-Kanada mgħattnin bin-niket. Nitolbu fis-skiet.
Nixtieq niżgura li qed nitlob għall-vittmi tal-istraġi li seħħet fil-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt f’belt ċkejkna tal-Burkina Faso. Jien qrib tal-familjari u tal-poplu kollu tal-Burkina Faso li qed isofru ħafna minħabba dawn l-attakki spissi. L-Afrika għandha bżonn il-paċi mhux il-vjolenza!
Illum fi Chiavenna, fid-Djoċesi ta’ Como, qed tkun beatifikata swor Maria Laura Mainetti, ta’ Ulied is-Salib, li nqatlet 21 sena ilu minn tlett tfajliet influwenzati minn setta satanika. Il-krudeltà. Propju hi li kienet tħobb liż-żgħażagħ aktar minn kull ħaġa oħra, u ħabbet u ħafret lill dawk l-itess tfajliet priġunieri tal-ħażen, tħallielna l-programm ta’ ħajjitha: kull ħaġa ċkejkna għandha ssir bil-fidi, bl-imħabba u bl-entużjażmu. Jalla l-Mulej itina lkoll il-fidi, l-imħabba u l-entużjażmu. Applaws lill-Beata l-ġdida.
Pigħada, it-Tlieta 8 ta’ Ġunju, fis-siegħa ta’ waranofsinhar, l-Azzjoni Kattolika Internazzjonali qed tistieden biex niddedikaw minuta għall-paċi, kulħadd skont it-tradizzjoni reliġjuża li jħaddan. Nitolbu partikolarment għall-Art Imqaddsa u għall-Myanmar.
Insellem minn qalbi likom ilkoll ġejjin minn Ruma, mil-Italja u minn pajjiżi oħra. Insellem b’mod partikolari lill-adoloxxenti tal-Progetto Contatto minn Torin u l-Grupp Devoti tal-Madonna tal-Mirakli minn Corbetta, lill-familji minn Cerignola u l-Assoċjazzjoni Nazzjonali Ambulanti, flimkien mal-ħafna ħaddiema tal-fieri u tal-artisti tat-triq. Grazzi ħafna tar-rigali li ġibtu. U nsellem ukoll lis-Salsentini minn nofsinhar tar-reġjun tal-Puglia li hemmhekk qed jiżfnu ‘l-pizzica’. Bravi!
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: Laikos