Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jippreżentalna parabbola sorprendenti: sid ta’ għalqa tad-dwieli joħroġ fis-sigħat bikrin tal-għodwa u jibqa’ joħroġ sa filgħaxija biex isib il-ħaddiema, iżda fl-aħħar jagħti lil kulħadd l-istess ħlas anki lil dawk li kienu ħadmu siegħa waħda biss (cfr Mt 20,1-16). Donnha inġustizzja, imma m’għandniex ninterpretaw il-parabbola mill-kriterju ta’ salarju; pjuttost din trid turina x’inhuma l-kriterji ta’ Alla, li ma joqgħodx ikejjel il-merti tagħna iżda jħobbna bħala wliedu. Nieqfu fuq żewġ azzjonijiet divini li joħorġu mir- rakkont. L-ewwel Alla joħroġ fis-sigħat kollha biex isejħilna, it-tieni iħallas lil kulħadd bl-istess “munita”.
Qabel kollox, Alla hu dak li joħroġ fis-sigħat kollha biex isejħilna. Il-parabbola tgħidilna li s-sid “ħareġ filgħodu kmieni biex jikri l-ħaddiema għall-għalqa tad-dwieli tiegħu” (v. 1), imma mbagħad ikompli joħroġ f’ħinijiet oħra tal-ġurnata sa nżul ix-xemx, biex ifittex lil min ħadd ma kien għadu qabbadhom jaħdmu. Hekk nifhmu li fil-parabbola l-ħaddiema mhumiex biss il-bnedmin, imma fuq kollox Alla li jibqa’ joħroġ bla ma jgħejja, il-ġurnata kollha. Hekk hu magħmul Alla: ma joqgħodx jistenna l-isforzi tagħna biex jiġi jiltaqa’ magħna; qabel ma jiġi jfittixna ma joqgħodx jeżaminana biex iqis il-valur tal-merti tagħna, ma jaqtax qalbu jekk aħna niddawru ma nweġbuh; għall-kuntrarju Hu stess jieħu l-inizjattiva u permezz ta’ Ġesù “ħareġ” lejna, biex jurina mħabbtu. U jfittixna f’kull siegħa tal-ġurnata illi, kif jafferma San Girgor il-Kbir, jirrappeżentaw l-istaġuni ta’ ħajjitna sax-xjuħija (cfr Omeliji dwar l-Evanġelju, 19). Għall-qalb tiegħu qatt mhu tard wisq, Hu jfittixna u jibqa’ jistenniena dejjem!
Propju għaliex Hu tant qalbu mill-aħjar, Alla – din hi t-tieni azzjoni – iħallas lil kulħadd bl-istess “munita” li hi mħabbtu. Dan hu s-sens aħħari tal-parabbola: il-ħaddiema tal-aħħar siegħa jħallashom daqs tal-ewwel għax fir-realtà, il-ġustizzja t’Alla hi superjuri. Tmur aktar lil hinn. Il-ġustizzja umana tgħid li “kulħadd għandu jitħallas skont kemm jistħoqqlu”, filwaqt li l-ġustizzja t’Alla ma togħqodx tkejjel l-imħabba bil-miżien ta’ kemm niswew, x’għandna ħila nagħmlu jew tqis tal-fallimenti tagħna: Alla jħobbna u daqshekk, iħobbna għax uliedu u jħobbna b’imħabba bla kundizzjonijiet, imħabba gratwita.
Ħuti, kultant nirriskjaw li r-relazzjoni tagħna ma’ Alla nagħmluha biċċa “negozju” u aktar niffukaw fuq il-bravura tagħna milli fuq il-ġenerożità u l-grazzja tiegħu. Kultant, anki bħala Knisja, minflok noħorġu f’kull siegħa tal-ġurnata u niftħu dirgħajna għal kulħadd, inħossu li aħna l-ewwel tal-klassi u lill-oħrajn narawhom imbegħdin bla ma nqisu li Alla jħobb lilhom ukoll bl-istess imħabba li jħobb lilna. U fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, li huma n-nisġa tas-soċjetà, il-kejl tal-ġustizzja li nħaddmu, kultant ma jirnexxilux joħroġ mill-gaġġa tal-kalkolu u nillimitaw ruħna li nirċievu daqskemm nagħtu, bla ma nirriskjaw dik ix-xiħaġa aktar, bla ma nqisu kemm hu effikaċi l-ġid li nagħmlu bla ma nistennew xejn lura jew tal-imħabba offruta b’qalb mill-aktar ġeneruża. Ħuti, insaqsu lilna nfusna: jien, nisrani, jien nisranija, naf noħroġ infittex lill-oħrajn? Jien ġeneruz, ġeneruża lejn kulħadd, naf nagħti dik ix-xi ħaġa aktar biex nifhem, biex naħfer, kif għamel Ġesù miegħi u kif Ġesù jagħmel miegħi ta’ kuljum?
Il-Madonna tgħinna nikkonvertu biex il-qies tagħna jkun Alla li hu mħabba bla qies.
Sors: laikos.org