Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju li naqraw fil-liturġija ta’dal-Ħadd (Mk 6, 1-6) jirrakkuntalna n-nuqqas ta’ fidi tan-nies tar-raħal fejn twieled Ġesù.  Wara li hu kien ipprietka fil-villaġġi l-oħra tal-Galileja, reġa’għadda Nażaret, fejn kien kiber flimkien ma’ Marija u Ġużeppi; hu jum is-Sibt u beda jgħallem fis-sinagoga.  Ħafna li kienu jisimugħ bdew jistaqsu: “Mnejn kisbu dan l-għerf kollu?  Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija jiġifieri l-ġirien tagħna li nafuhom sewwa?” (cfr vv. 1-3).  Għal din ir-reazzjoni Ġesù jafferma verità li saret biċċa għerf li l-poplu għamel tiegħu ukoll: ““Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess” (v. 4).  Ngħiduha spiss.

Ejjew nieqfu ftit fuq l-atteġġjament tan-nies tar-raħal ta’ Ġesù.  Nistgħu ngħidu li huma kienu jafu lil Ġesù imma ma jagħrfuhx.  Hemm differenza bejn li tkun taf u li tagħraf.  Fil-fatt din id-differenza tgħinna nifhmu li aħna nistgħu nkunu nafu ħafna dwar xi persuna, niffurmaw idea dwarha, nafdaw f’dak li jgħid ħaddieħor dwarha, forsi kultant niltaqgħu magħha fit-triq, imma dan kollu mhux biżżejjed.  B’hekk inkunu qed nsiru nafu lill-persuna, ngħid jien, b’mod ordinarju, superfiċjali, mod li ma jagħrafx l-uniċità ta’ dik il-persuna.  Kulħadd għandu dar-riskju: naħsbu li nkunu nafu ħafna dwar persuna, u l-agħar hu li nwaħħlullha t-tikketti u nagħlquha fil-preġudizzji tagħna.  Bl-istess mod, nies ir-raħal ta’ Ġesù ilhom jafuh tletin sena u jidhrilhom li jafu kollox!  “Imma dan mhux iż-żgħażugħ li rajnieh jikber, iben il-mastrudaxxa u Marija?  Imma minn fejn ġej dan kollu?”  L-isfiduċja.  Fil-verità qatt ma ndunaw min hu Ġesù verament.  Jieqfu fuq dak li jidher u jirrifjutaw in-novità ta’ Ġesù.

U hawn nidħlu fil-qalba tal-problema:  meta aħna nipprivileġġjaw il-kumdità tad-drawwiet u d-dittatura tal-preġudizzji, ikun diffiċli ninfetħu għan-novità u nistagħġbu.  Aħna nikkontrollaw kollox bid-drawwa, bil-preġudizzji.  Nispiċċaw biex mill-ħajja, mill-esperjenzi u saħansitra mill-persuni nfittxu biss konferma tal-ideat tagħna u tal-iskemi tagħna, biex nevitaw il-piż tal-bidla.  U dan jista’ jsir ma’ Alla wkoll, propju lilna li nemmnu, lilna li naħsbu li nafu lil Ġesù, li tant nafu dwaru, li biżżejjed noqgħodu ntennu dejjem l-istess affarijiet.  U dan, ma’ Alla, mhux biżżejjed.  Jekk ma ninfetħux għan-novità – isimgħu sewwa – jekk ma ninfetħux għas-sorpriżi t’Alla, mingħajr stagħġib, il-fidi ssir litanija għajjiena li ftit ftit titbiel u ssir drawwa, drawwa soċjali.  Għidt kelma: l-istagħġib.  X’inhu l-istagħġib?  L-istagħġib hu propju meta sseħħ il-laqgħa ma’ Alla: “Iltaqajt mal-Mulej”.  Naqraw l-Evanġelju: bosta drabi, in-nies li jiltaqgħu ma’ Ġesù jagħrfuh, iġarrbu l-istagħġib.  U aħna, fil-laqgħa tagħna ma’ Alla jeħtiġilna nterrqu dit-triq: inġarrbu l-istagħġib.  Qiesu ċ-ċertifikat tal-garanzija li dik il-laqgħa hi awtentika, mhix drawwa.

Fl-aħħar mill-aħħar, għaliex nies ir-raħal ta’ Ġesù ma jagħrfuhx u ma jemmnux fih?  Għaliex?  X’inhi r-raġuni?  Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li ma jċċettawx l-iskandlu tal-inkarnazzjoni.  Dal-misteru tal-inkarnazzjoni ma jafuhx, iżda lanqas jaċċettaw il-misteru.  Ma, jafuhx u r-raġuni mhumiex konxji minnha u jidhrilhom li hu skandlu li l-immensità ta’ Alla tidher fiċ-ċokon ta’ laħamna, li Iben Alla hu iben il-mastrudaxxa, li d-divinita tinsatar fl-umanità, li Alla jgħammar f’wiċċ, fil-kliem, fil-ġesti ta’ sempliċi bniedem.  Dan hu l-iskandlu:  l-inkarnazzjoni ta’ Alla, il-konkretezza tagħha, li saret “ħaġa ta’ kuljum”.  U Alla sar konkret fi bniedem, Ġesù ta’ Nażaret, sar kumpann tagħna fit-triq, sar wieħed minna.  “Inti wieħed minna”: għiduhielu lil Ġesù, hija talba sabiha!  U għax hu wieħed minna, jifhimna, jakkumpanjana, jaħfrilna, iħobbna ħafna.  Fir-realtà xi alla astratt hu aktar komdu, xi wieħed li ma jindaħalx fis-sitwazzjonijiet u li jaċċetta fidi mbegħeda mill-ħajja, mill-problemi, mis-soċjetà.  Madankollu aħna nippreferu nemmnu f’xi alla “tal-effetti speċjali”, li jagħmel biss affarijiet eċċezzjonali u li dejjem iqanqallek l-emozzjoni.  Iżda, għeżież ħuti, Alla sar bniedem:  Alla huwa umli, Alla hu teneru, Alla hu moħbi, joqrob lejna xħin jgħix in-normalità tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.  U allura lilna jiġrilna bħalma ġara lin-nies ta’ raħal twelidu, nirriskjaw li meta jgħaddi ma nagħrfuhx.  Intenni dik is-sentenza sabiha ta’ Santu Wistin: “Nibża’ minn Alla, mill-Mulej, meta jgħaddi”.  Imma għaliex jibża’ Wistin?  “Nibża’ li ma nindunax bih.  Nibża’ mill-Mulej meta jgħaddi.  Timeo Dominum transeuntem.”  Aħna ma nagħrfuhx, jiskandaliżżana.  Nirriflettu ftit biex naraw fejn tinsab qalbna quddiem dir-realtà.

Issa, bit-talb, nitolbu lill-Madonna, li laqgħet il-misteru ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum ġewwa Nażaret, biex ikollna għajnejn u qalb ħielsa mill-preġudizzji u jkollna għajnejna miftuħin għall-istagħġib: “Mulej, jalla niltaqa’ miegħek!”  U meta niltaqgħu mal-Mulej ikun hemm dan l-istagħġib.  Niltaqgħu miegħu fil-ħajja normali tagħna: għajnejna miftuħin għas-sorpriżi t’Alla, għall-preżenza umli u moħbija tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

min-nazzjon għażiż ta’ Eswatini, fl-Afrika t’Isfel, qed jaslu aħbarijiet dwar tensjoni u vjolenza.  Nistieden lil kull min għandu xi responsabbiltà u kull min qed juri x’jixtieq għall-ġejjieni tal-pajjiż, biex kulħadd flimkien jagħmel ħiltu fi sforz komuni ta’ djalogu, rikonċiljazzjoni u s-soluzzjoni paċifika tal-pożizzjonijiet differenti li għandha kull naħa.

Bi pjaċir inħabbar li bejn it-12 u l-15 ta’ Settembru li ġej, jekk il-Bambin irid, se mmur fis-Slovakkja għal żjara pastorali.  Waranofsinhar (fit-12).  Is-slovakki li hemm hemhekk jidhru kuntenti! (fil-pjazza kien hemm għad ta’ pellegrini slovakki).  Qabel, (filgħodu, nhar il-Ħadd 12 ta’ Settembru) f’Budapest, se nikkonċelebra Quddiesa ta’ tmiem il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali.  Irrodd ħajr minn qalbi lil kull min qed iħejji dal-vjaġġ u nitlob għalihom.  Nitolbu lkoll għal dal-vjaġġ u għall-persuni li qed jaħdmu biex jorganizzawh.

U nsellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani, pellegrini, mill-Italja u minn pajjiżi oħra, speċjalment is-slovakki!  Insellem b’mod partikolari lill-gruppi ta’ fidili minn Cosenza, Crotone, Morano Calabro u Ostuni.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Grazzi! Ciao!

Sors: Laikos