Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fl-aħħar jiem il-Mulej tani l-grazzja li nżur l-Iraq, u hekk inwettaq proġett ta’ San Ġwanni Pawlu II. Qatt ma kien għadu rifes Papa fuq l-art ta’ Abraham; il-Providenza riedet li dan iseħħ issa, bħala sinjal ta’ tama wara snin ta’ gwerra u terroriżmu u matul pandemija iebsa.

Wara din iż-Żjara, qalbi hi mimlija gratitudni. Gratitudni lejn Alla u lejn dawk kollha li għamluha possibbli: lejn il-President tar-Repubblika u lejn il-Gvern tal-Iraq; lejn il-Patrijarki u lejn l-Isqfijiet tal-pajjiż, flimkien mal-ministri u l-fidili kollha tal-Knejjes rispettivi; lejn l-Awtoritajiet reliġjużi, ibda mill-Ayatollah il-Kbir Al-Sistani, li miegħu kelli laqgħa li ma ninsieha qatt fir-residenza tiegħu f’Najaf.

Ħassejt qawwi s-sens penitenzjali ta’ dan il-pellegrinaġġ: ma stajtx nersaq qrib ta’ dak il-poplu mifni, lejn dik il-Knisja martri, mingħajr ma nieħu fuqi, f’isem il-Knisja Kattolika, is-salib li huma ilhom jerfgħu snin sħaħ; salib kbir, bħal dak imqiegħed fid-daħla ta’ Qaraqosh. Ħassejtu b’mod partikulari jiena u nara l-ġrieħi għadhom miftuħa tat-tifrik, u iżjed minn hekk jiena u niltaqa’ u nisma’ x-xhieda ta’ dawk li ħarġu ħajjin mill-vjolenzi, mill-persekuzzjonijiet, mill-eżilju… U fl-istess waqt rajt madwari l-ferħ ta’ min jilqa’ l-messaġġier ta’ Kristu; rajt it-tama ta’ min fetaħ qalbu għal xefaq ta’ paċi u ta’ fraternità, miġbur fil-kelmiet ta’ Ġesù li kienu l-motto taż-Żjara: “Intom ilkoll aħwa” (Mt 23:8). Iltqajt ma’ din it-tama fid-diskors tal-President tar-Repubblika, erġajt sibtha f’tant tislimiet u xhieda, fil-kant u fil-ġesti tan-nies. Qrajtha fuq l-uċuħ imdawla taż-żgħażagħ u fl-għajnejn jixegħlu tal-anzjani. In-nies li kienet tistenna l-Papa għal ħames sigħat sħaħ, fuq saqajha…; anki nisa bit-tfal f’dirgħajhom… Kienu qed jistennew, u f’għajnejhom kien hemm it-tama.

Il-poplu tal-Iraq għandu dritt jgħix fil-paċi, għandu dritt jerġa’ jsib id-dinjità li hi tiegħu. L-għeruq reliġjużi u kulturali tiegħu għandhom storja ta’ millennji: il-Meżopotamja hija benniena ta’ ċiviltajiet; Bagdad fl-istorja kienet belt ta’ importanza ewlenija, li għal sekli sħaħ kellha fiha l-aktar bibljoteka għanja tad-dinja. U x’qeridha? Il-gwerra. Dejjem hi l-gwerra l-mostru li, mal-medda tal-epoki, jinbidel u jkompli jibla’ lill-umanità. Imma t-tweġiba għall-gwerra mhijiex gwerra oħra, it-tweġiba għall-armi mhumiex iktar armi. U jiena staqsejt lili nnifsi: Min kien ibigħhom l-armi lit-terroristi? Min illum qed ibigħ l-armi lit-terroristi, li qed jagħmlu straġijiet f’partijiet oħra, tiġini f’moħħi l-Afrika ngħidu aħna? Hija mistoqsija li nixtieq kieku xi ħadd iweġibha. It-tweġiba mhijiex il-gwerra, imma t-tweġiba hija l-fraternità. Din hija l-isfida għall-Iraq, imma mhux biss: hija l-isfida għal tant reġjuni ta’ kunflitt u, żgur mhux forsi, hija l-isfida għad-dinja kollha: il-fraternità. Aħna kapaċi noħolqu l-fraternità bejnietna, nagħmlu kultura ta’ aħwa? Jew se nkomplu għaddejjin bil-loġika li beda Kajjin, il-gwerra? Fratellanza, fraternità.

Hu għalhekk li ltqajna u tlabna flimkien, Insara u Musulmani, b’rappreżentanti ta’ reliġjonijiet oħra, f’Ur, fejn Abraham laqa’s-sejħa ta’ Alla xi erbat elef sena ilu. Abraham hu missier fil-fidi għax ta widen għal-leħen ta’ Alla li wiegħdu dixxendenza, ħalla kollox u telaq. Alla hu fidil għall-wegħdiet tiegħu u llum ukoll imexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem, imexxi l-passi ta’ min miexi fuq l-Art b’ħarstu lejn is-Sema. U f’Ur, ma’ xulxin taħt dak is-sema mixgħul, l-istess sema li fih missierna Abraham lemaħ lilna, in-nisel tiegħu, donnu smajna tidwi mill-ġdid fi qlubna dik il-frażi: Intom ilkoll aħwa.

Messaġġ ta’ fraternità ħareġ mil-laqgħa ekkleżjali fil-Katidral Siro-Kattoliku ta’ Bagdad, fejn fl-2010 ġew maqtula tmienja u erbgħin persuna, fosthom żewġ saċerdoti, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Il-Knisja fl-Iraq hija Knisja martri u f’dak it-tempju, li fil-ġebel tiegħu jġorr minquxa t-tifkira ta’ dawk il-martri, dewa l-ferħ tal-laqgħa: is-sens ta’ stagħġib tiegħi li kont ġo nofshom tħallat mal-ferħ tagħhom bil-Papa f’nofshom.

Messaġġ ta’ fraternità bgħatna minn Mosul u minn Qaraqosh, fuq ix-xmara Tigri, ħdejn il-fdalijiet tal-antika Ninwè. L-okkupazzjoni tal-Isis ikkawżat il-ħarba ta’ eluf u eluf ta’ nies li kienu jgħixu hemm, fosthom ħafna Nsara ta’ diversi konfessjonijiet u minoranzi oħra ppersegwitati, speċjalment il-Yazidi. Ġiet irvinata l-identità antika ta’ dawn il-bliet. Issa b’ħafna taħbit qed tfittex mod kif terġa’ tinbena; il-Musulmani jistiednu lill-Insara jirritornaw, u flimkien qed jirrestawraw knejjes u moskej. Il-fraternità, hemm qiegħda. U ejjew, jekk jogħġobkom, inkomplu nitolbu għal dawn ħutna tant imġarrba, biex isibu l-qawwa li jibdew mill-ġdid. U jiena u naħseb f’tant Iraqqini emigranti, nixtieq ngħidilhom: ħallejtu kollox, bħal Abraham; bħalu, ħarsu l-fidi u t-tama, u kunu nissieġa ta’ ħbiberija u ta’ fraternità hemm fejn tinsabu. U, jekk tistgħu, erġgħu lura.

Messaġġ ta’ fraternità wasal miż-żewġ Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi: dik ta’ Bagdad, bir-Rit Kaldew, u dik ta’ Erbil, belt fejn ġejt milqugħ mill-President tar-reġjun u mill-Prim Ministru tiegħu, mill-Awtoritajiet – nirringrazzja lil tant li ġew biex jilqgħuni – u anki ġejt milqugħ mill-poplu. It-tama ta’ Abraham u tan-nisel tiegħu twettqet fil-misteru li ċċelebrajna, f’Ġesù, l-Iben li Alla l-Missier ma żammux għalih, imma tah għas-salvazzjoni ta’ kulħadd: hu, bil-mewt u l-qawmien tiegħu, fetħilna l-passaġġ għall-art imwiegħda, għall-ħajja ġdida fejn id-dmugħ jiġi xxuttat, il-ġrieħi mfejqa, l-aħwa mħabba mill-ġdid ma’ xulxin.

Għeżież ħuti, ejjew infaħħru lil Alla għal din iż-Żjara storika u nkomplu nitolbu għal dik l-Art u għal-Lvant Nofsani. Fl-Iraq, minkejja l-istorbju tat-tifrik u tal-armi, il-palm, simbolu tal-pajjiż u tat-tama tiegħu, kompla jikber u jagħmel il-frott. L-istess il-fraternità: bħall-frott tal-palm ma tagħmilx ħsejjes, imma tagħmel il-frott u tkabbar. Alla, li hu sliem, jagħti ġejjieni ta’ fraternità lill-Iraq, lil-Lvant Nofsani u lid-dinja kollha!

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard