L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u l‑Provinċja Maltija tal‑Ordni Franġiskan tal-Aħwa Minuri Kapuċċini għaddejjin bil‑proċess li bih il‑Provinċja se tgħaddi l-parroċċa ta’ Marija Reġina fil‑Marsa lill‑Arċidjoċesi ta’ Malta biex minnha jitkompla jiġi offrut is‑servizz pastorali lill‑poplu ta’ din il‑parroċċa. Mill‑Ġimgħa, 1 ta’ Settembru 2023, il‑kura pastorali tal‑poplu t’Alla miġbur f’din il-parroċċa fil‑Marsa se taqa’ taħt ir‑responsabbiltà diretta tal‑kleru djoċesan. Monsinjur Arċisqof irringrazzja lill‑Patrijiet Kapuċċini għal tant snin ta’ ħidma pastorali f’din il‑parroċċa.
L‑Arċisqof Charles Scicluna qed jafda f’idejn Dun Anthony Fitzpatrick it-tmexxija pastorali u amministrattiva ta’ din il-parroċċa. Il‑parroċċa ta’ Marija Reġina tiġbor fiha madwar 2,750 persuna f’900 residenza.
Dun Anthony Fitzpatrick twieled fit‑28 ta’ Ottubru 1976 u trabba Tal‑Pietà. Huwa rċieva l‑edukazzjoni fl‑iskola primarja ta’ Tas‑Sliema, fil‑Kulleġġ Santu Wistin f’Tal‑Pietà u fil‑Higher Secondary, in‑Naxxar. Huwa kompla bl‑istudji terzjarji tiegħu fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta fejn irċieva l‑Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali.
Dun Anthony ġie ordnat saċerdot f’Ġunju 2012. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu fil‑Parroċċa ta’ San Gejtanu fil‑Ħamrun, u wara bħala viċi arċipriet fil‑Parroċċa ta’ Marija Immakulata f’Bormla. Bejn l‑2014 u l‑2021 serva bħala viċi kappillan fil‑Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara u sa minn Ottubru 2021 serva fil‑Parroċċa ta’ San Ġorġ Preca fis‑Swatar. Serva wkoll bħala direttur spiritwali fil‑Kulleġġ San Injazju f’Ħal Qormi u fl‑iskola St Joseph fil‑Blata l‑Bajda. Sa mill‑2018 hu chaplain tal‑Kulleġġ Stella Maris fil‑Gżira. Mill‑2021 beda jagħti wkoll servizz pastorali lir‑residenti tal‑Caritas fil‑Prison Inmates Programme f’Baħar iċ‑Ċagħaq.