Id‑dħul fis‑Sixth Forms tal‑Knisja għas‑sena skolastika li ġejja 2020/21 se jinżamm bl‑istess prinċipji użati fis‑snin imgħoddija minkejja d‑diffikultajiet li nħolqu bl‑effett tal‑pandemija tal‑covid‑19.

Is‑Sixth Forms tal‑Kulleġġ De La Salle u l-Kulleġġ San Alwiġi ħadmu mill‑qrib, flimkien mas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, sabiex ikun żgurat li l‑istess kriterju bażiku jibqa’ jintuża għad‑dħul biex jimtela n‑numru limitat ta’ postijiet għad‑dispożizzjoni. Għaldaqstant, il‑proċess tal‑għażla għad‑dħul fis‑Sixth Forms tal‑Knisja se jibqa’ bbażat fuq il‑mertu akkademiku bħas‑snin ta’ qabel.  

Madankollu minħabba ċ‑ċirkustanzi preżenti s‑sistema ma tistax tkun ibbażata bħas‑soltu fuq riżultati tal‑eżamijiet standardizzati ladarba dawn ma sarux minħabba l‑posponiment tal-eżamijiet taċ‑ĊES f’Mejju. Wara diskussjonijiet fit‑tul ma’ tim ta’ esperti qed tiġi addottata sistema ta’ dħul li tassigura li l‑għażla tkun ġusta u trasparenti.

SPJEGAZZJONI TAL‑PROĊESS

Il‑proċess li se jintuża hu bbażat fuq dawn il‑prinċipji ewlenin:

  1. Ladarba l‑applikanti m’għamlux l‑eżamijiet taċ‑ĊES jew tal‑IGCSE f’April/Mejju 2020, se jiġu kkunsidrati r‑riżultati vverifikati tal‑eżamijiet tal‑mock tal‑iskola. Dawn huma r‑riżultati li l‑iskejjel tal‑applikanti bagħtu lill‑MATSEC bħala parti mill‑eżerċizzju ta’ kalibrazzjoni li ħaddem il‑MATSEC.
  2. Fejn hemm skejjel li kellhom suġġett jew aktar li l‑eżami tal‑mock ma sarx, jew parti minnu ma saritx, minħabba l‑għeluq tal‑iskejjel, se tiġi kkunsidrata l‑marka assenjata mill‑iskola fl‑SSC&P (Secondary School Certificate and Profile), bil‑kundizzjoni li l‑applikanti jkunu kisbu livell 3 QMK fis‑suġġett.
  3. Qabel japplikaw għas‑Sixth Forms tal‑Kulleġġ De La Salle u l‑Kulleġġ San Alwiġi, l‑applikanti jridu japplikaw f’Lulju għal dak li hu magħruf bħala Assessment Statement for Entry into Church Sixth Forms.
  4. Din id‑dikjarazzjoni ta’ assessjar se toħroġ għal kull applikant mis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika flimkien maż‑żewġ skejjel tas‑Sixth Form. Din se (i) tinkludi l‑lista ta’ suġġetti li l‑applikant għamel fl‑eżamijiet tal‑mock fl‑iskola u, (ii) tassenja ‘bands’ lil kull suġġett f’livell karta 2A u 2B, skont ir‑riżultat ivverifikat tal‑eżamijiet tal‑mock li l‑iskejjel bagħtu lill‑MATSEC. Kull suġġett f’livell karta 2A jingħata – band A, band B, band Ċ jew band D1, filwaqt li kull suġġett f’livell karta 2B jiġi assenjat band D2.
  5. Il‑bands jikkorrispondu mal‑persentaġġi medji miksuba għal kull grad f’livell taċ‑ĊES fl‑2017, l‑2018 u l‑2019 (ibbażati fuq rapporti statistiċi tal‑MATSEC) għal kull suġġett f’kull settur, jiġifieri skejjel tal‑Istat, tal‑Knisja, indipendenti u skejjel ta’ Għawdex.
  6. BandA tiġi assenjata lill‑ogħla persentaġġ ta’ studenti f’kull skola skont il‑persentaġġ medju ta’ Grad 1 miksub għal kull suġġett fi ħdan is‑settur tal‑iskola li għalih tappartjeni kull skola. Bl‑istess mod, Band B tikkorrispondi għal Grad 2, Band Ċ tikkorrispondi għal Grad 3, u Band D1 tikkorrispondi għall‑gradi l‑oħra, għal studenti li kisbu livell 3 QMK.
  7. Saru proviżjonijiet speċifiċi għal suġġetti fejn numru żgħir ta’ studenti għamlu l‑eżamijiet taċ‑ĊES kif ukoll għas‑suġġetti tal‑VET.
  8. Ma jingħatawx bands għal dawk is‑suġġetti jekk l‑applikanti kienu assenti fl‑eżamijiet tal‑mock li saru fl‑iskejjel.

Il‑PROĊESS TA’ APPLIKAZZJONI

Il‑proċess ta’ applikazzjoni jikkonsisti f’żewġ fażijiet.

L‑Ewwel Fażi: l‑applikanti interessati li japplikaw fil‑Kulleġġ De La Salle u/jew fil‑Kulleġġ San Alwiġi jridu jiksbu l‑Assessment Statement for Entry into Church Sixth Forms biex ikunu jistgħu japplikaw għat‑tieni fażi f’Awwissu.

L‑istudenti għandhom japplikaw għal din id‑dikjarazzjoni billi jidħlu fil‑ħoloq https://www.delasallemalta.org/sixthform/ jew http://www.saintaloysius.edu.mt/ bejn 00:00 tas‑6ta’ Lulju u 23:59 tal‑10ta’ Lulju bi ħlas ta’ €5. Applikazzjonijiet għal din id‑dikjarazzjoni li jidħlu tard jistgħu jintbagħtu xorta waħda bejn 00:00 tas‑16ta’ Lulju u 23:59 tas‑17ta’ Lulju bi ħlas ta’ €10. 

Id‑dikjarazzjoni tintbagħat lil dawk li applikaw qabel il‑bidu tat‑Tieni Fażi u tintuża mill‑applikanti meta japplikaw għat‑Tieni Fażi.

It‑Tieni Fażi: din isseħħ f’Awwissu. L‑applikanti jimlew u jissottomettu formola ta’ applikazzjoni online għall‑Kulleġġ De La Salle u/jew San Alwiġi. Fil‑każ tas‑Sixth Form De La Salle b’din il‑ħolqa https://www.delasallemalta.org/sixthform/ u fil‑każ tas‑Sixth Form San Alwiġi b’din il‑ħolqa http://www.saintaloysius.edu.mt/.

Informazzjoni dwar dati ta’ applikazzjoni u affarijiet oħra se jkunu aċċessibbli fil‑website ta’ kull kulleġġ. Fil‑websites rispettivi se jkun hemm ukoll spjegazzjoni dettaljata tal‑proċess li qed jintuża din is‑sena, kif ukoll regoli u regolamenti rilevanti.