L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Id-dar tiegħi tkun dar it-talb” (Lq 19:45). Dan hu li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Luqa meta jidħol fit-tempju u hemm jibda jkeċċi ’l barra l-bejjiegħa. Kienet ġrajja li baqgħet tissemma din, u fil-fatt insibuha fl-Evanġelji kollha. Ġesù, meta jidħol fit-tempju, jgħid li din hi d-dar ta’ Alla. Interessanti ħafna li San Luqa jġib it-tempju kemm fil-bidu nett tal-Evanġelju tiegħu, kif ukoll fl-aħħar. Bih jibda u bih jagħlaq. Fil-bidu hemm il-ġrajja ta’ Żakkarija li kien qed jitlob fit-tempju u jkollu dehra tal-anġlu Gabrijel li jħabbarlu li se jkollu iben, iħabbarlu lil Ġwanni l-Battista. U fl-aħħar l-Evanġelju jagħlaq bid-dixxipli li, wara li Ġesù tela’ s-sema, huma marru t-tempju ta’ Ġerusalemm jbierku lil Alla. Għalhekk iċ-ċentralità tat-tempju għal San Luqa, li juri li t-tempju huwa d-dar ta’ Alla.

Dan hu messaġġ importanti. Hu għalhekk li jidħol u jkeċċi l-bejjiegħa. Fl-Evanġelisti l-oħra hemm iżjed dettalji. Hemm anke li Ġesù għamel sawt mill-ħbula u beda jaqleb l-imwejjed ta’ dawk li kienu jsarrfu l-flus u anke s-siġġijiet ta’ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem. Kienet din l-azzjoni li għamel Ġesù biex iwassal il-messaġġ li t-tempju huwa d-dar ta’ Alla.

Issa dawk li kienu hemmhekk qegħdin ibigħu u jsarrfu l-flus, dawn kienu qed jagħmlu hekk biex jipprofanaw it-tempju għax għalihom it-tempju ma kien ifisser xejn? Ma kienx hekk, le.  Fil-fatt,  li kienu qed jagħmlu kien marbut mas-sagrifiċċju b’offerta fit-tempju. Dawk li kienu qed ibigħu l-annimali kienu qed jagħmlu hekk biex dawn jintużaw bħala sagrifiċċju u offerta fit-tempju. U dawk li kienu qed isarrfu l-flus ukoll, kienu hemmhekk għaliex il-munita li kien ikollhom diversi nies kienet il-munita bix-xbieha tal-imperatur Ruman pagan, u għalhekk riedu jsarrfu l-flus biex jistgħu imbagħad jużaw il-flus għall-offerta. Għalhekk l-iskop kien marbut mas-sagrifiċċju. Imma spiċċaw biex għamlu t-tempju post tan-negozju flok id-dar ta’ Alla, fejn tqim lil Alla. Anzi, aktar minn hekk. Ġesù hawnhekk jgħid: “intom għamiltuha għar tal-ħallelin” (Lq 19:45). Ara kemm żvijaw minn kif kellu jkun tassew it-tempju ta’ Alla.

X’inhu l-messaġġ li jagħtina l-Mulej illum għall-ħajja tagħna? L-ewwel nett ifakkarna li t-tempju huwa llum għalina l-knisja. Il-knisja hija d-dar ta’ Alla. Fil-knisja aħna mmorru biex niltaqgħu mal-Mulej, speċjalment fl-Ewkaristija. Hekk għandna nagħmlu aħna. Meta niltaqgħu mal-Mulej, aħna nimtlew bl-imħabba tiegħu, lilu nfaħħruh, nirringrazzjawh, u nqiegħdu quddiemu x-xewqat tagħna. Din għandha tkun dejjem f’qalbna u f’moħħna meta nidħlu l-knisja: li aħna dħalna fid-dar ta’ Alla, u lilu rridu nfittxu. Irridu noqogħdu attenti, fil-fatt, li l-affarijiet l-oħra ma jaljenawniex minn dak li hu l-aktar importanti fil-knisja. Aħna għandna ħafna dekorazzjonijiet sbieħ fil-knisja li fihom sens jekk iressquna lejn il-Mulej. Jekk jaljenawna mill-Mulej, jew ibegħduna, hemmhekk ħażin. Per eżempju, jekk statwa tqisha iktar importanti mill-Ewkaristija, u meta tidħol il-knisja tmur dritt quddiem l-istatwa u tinsa lil Ġesù preżenti fl-Ewkaristija, hemmhekk ħażin. Għalhekk irridu niftakru f’dak li qal Ġesù: id-dar tiegħi, id-dar ta’ Alla, hi d-dar tat-talb li tgħaqqadna ma’ Alla. 

Jekk inkunu nifilħu, aħna għandna mmorru l-knisja – dak hu l-appell tagħna dejjem – biex hemmhekk niċċelebraw l-Ewkaristija, dejjem jekk inkunu b’saħħitna, u nkunu nifilħu.  Imbagħad hemm ħaġa oħra sabiħa. Meta aħna mmoru l-knisja u niltaqgħu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija, hu jfakkarna li aħna, bil-magħmudija, sirna t-tempju ta’ Alla. Hekk jgħid San Pawl: “Ma tafux li intom it-tempju ta’ Alla u l-Ispirtu s-Santu jgħammar fikom? …Qaddis huwa t-tempju ta’ Alla, li huwa intom” (1 Kor 3:16-17). Kull darba li aħna mmorru l-knisja, id-dar ta’ Alla, din għandha tfakkarna li ħajjitna għandha tkun rifless ta’ din id-dar ta’ Alla, jiġifieri li ħajjitna tkun ukoll dik li fiha hemm il-preżenza ta’ Alla, it-tempju ta’ Alla.

Nitolbu lill-Mulej li aħna dejjem nirrispettaw bis-sħiħ id-dar tiegħu, il-knisja; li niftakru li din hi d-dar tat-talb, id-dar li tlaqqagħna speċjalment mal-Mulej. U niftakru wkoll li bis-saħħa tiegħu aħna nistgħu ngħixu ħajjitna bħala t-tempju ta’ Alla, id-dar fejn jgħammar tassew il-Mulej.  

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju