Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Eċċellenza u ħuti, insellmilkom lilkom ilkoll miġburin għall-Assemblea Djoċesana din is-sena, u nsellem lil dawk kollha li qed isegwuna bħalissa online.

Nixtieq li, qabel xejn, li flimkien nawguraw lil Mons. Arċisqof li għada jagħlaq 11-il sena mill-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu. U speċjalment nitolbu għalih. Flimkien mal-awguri, it-talb tagħna biex il-Mulej ibierku u jkompli jgħinu biex jaqdi din il-missjoni bil-ħeġġa, b’entużjażmu, b’dedikazzjoni sħiħu u b’ġenerożità kbira.

Tajjeb li lkoll niftakru fl-għeruq ta’ din l-Assemblea Djoċesana. Bdiet tiġi organizzata mis-sena ta’ wara li ntemm is-Sinodu Djoċesan f’Malta, jiġifieri fl-2004, bil-għan li titkompla l-esperjenza ta’ sinodalità li għexna fis-Sinodu Djoċesan 1999-2003. Hu ta’ sodisfazzjon kbir għalina f’Malta li dak li aħna għexna aktar minn 20 sena ilu l-Papa Franġisku qed jipproponih għall-Knisja kollha universali, bl-istess metodu li aħna mxejna miegħu dak iż-żmien. 

Nixtieq li niftakru speċjalment f’żewġ punti prinċipali li kienu essenzjali għas-Sinodu f’Malta. L-ewwel: id-dixxerniment. L-ewwel laqgħa li saret tal-Assemblea tas-Sinodu, fil-fatt, kienet laqgħa ffukata fuq id-dixxerniment. Kien hemm Patri Arthur Vella SJ, li ngħożżu l-memorja tiegħu, u dakinhar tkellem proprju fuq l-attitudni ta’ dixxerniment li għandha tanima l-ħidma kollha tas-Sinodu. Nafu li dan ifisser li l-protagonista hu l-Ispirtu ta’ Alla, li aħna rridu nkunu l-ħin kollha miftuħa għalih. Tul is-Sinodu kollu kien hemm din l-enfasi kbira fuq it-talb li jiftaħna għad-dixxerniment li jmexxi l-Knisja. 

It-tieni punt kien l-enfasi li kulħadd hu mistieden biex ikun parti minn din il-mixja flimkien. Għamilnieha snin ilu, fl-ewwel fażi tas-Sinodu Djoċesan, b’diversi modi, imma speċjalment bl-istedina li twasslet f’kull dar, kull familja, kull household, biex kulħadd jista’ jipparteċipa. Niftakar li kritika li kien hemm dak iż-żmien, anke minn akkademiċi, kienet: m’hemmx għalfejn tieħu dil-battikata. Jekk tagħmel sample se jkollok l-istess riżultat. U t-tweġiba dak iż-żmien kienet: aħna rridu r-riżultat ta’ x’jaħsbu n-nies, il-kontenut; imma rridu xi ħaġa li ma ġġibhiex b’sample, jiġifieri li kulħadd ikollu l-opportunità li jipparteċipa f’din il-mixja flimkien. 

Qed insemmi dawn iż-żewġ punti għax huma żewġ punti essenzjali ta’ dak li l-Papa Franġisku qed jenfasizza llum fil-mixja sinodali tal-Knisja kollha. Tajjeb, għalhekk, li aħna niftakru f’dawn li qegħdin fl-għeruq ta’ din l-esperjenza tagħna.

Nifhmu, għalhekk, kif l-esperjenza tagħna fit-tnedija tal-proċess ekkleżjali bid-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed fl-2020 hi esperjenza li tgħaqqadna bis-sħiħ ma’ dak li l-Papa nieda s-sena ta’ wara, fl-2021, u partikolarment mal-ewwel parti tal-Assemblea tas-Sinodu li saret f’Ottubru ta’ din is-sena. Aħna ddeċidejna li nieħdu bħala erba’ temi ċentrali, b’rabta mal-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium – li għada tagħlaq 10 snin mill-pubblikazzjoni tagħha – erba’ aspetti prinċipali, jiġifieri: Knisja li tisma’, Knisja li tilqa’, Knisja li takkumpanja, Knisja li toħroġ f’missjoni.

Iddeċidejna wkoll li filwaqt li dejjem inżommu quddiemna b’mod ċar ir-rabta intrinsika bejn dawn l-erba’ aspetti, kull sena aħna niffukaw aktar fuq aspett minnhom. Din tgħin ħafna meta aħna niffukaw, biex nistgħu ninżlu aktar fil-fond. Kien għalhekk li matul is-snin li għaddew, aħna ffukajna fuq ‘Knisja li tisma’’ u fuq ‘Knisja li tilqa’, u din is-sena ‘Knisja li takkumpanja’. Kellna esperjenzi sbieħ u b’parteċipazzjoni ħajja matul dawn is-snin. Is-sena d-dieħla se ngħaddu għat-tema ‘Knisja li toħroġ’, jiġifieri l-enfasi fuq l-outreach.

L-Assemblea dis-sena hi maqsuma f’żewġ sessjonijiet, li t-tnejn jibdew b’mument ta’ talb għax hu l-Ispirtu ta’ Alla li jrid imexxina, kif għandna dejjem niftakru: “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja” (Salm 127:1). 

Fl-ewwel sessjoni llum se nisimgħu fil-qosor dak li sar matul din is-sena b’rabta mat-tema ‘Knisja li takkumpanja’ u dak li ħareġ u li jrid iservi issa għal aktar ħidma. Se jkollna wkoll parteċipazzjoni mill-MCYN dwar l-akkumpanjament taż-żgħażagħ fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2023 li sar f’Lisbona, kif ukoll kif din l-esperjenza se tkun sostnuta fil-parroċċi u fl-għaqdiet fix-xhur li ġejjin. 

Fis-sessjoni ta’ għada, se ngħaddu għat-tema tas-sena d-dieħla ‘Knisja li toħroġ’. Ikollna introduzzjoni ta’ din it-tema fil-kuntest tal-proċess ta’ dixxerniment ta’ Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, ħin ta’ riflessjoni personali u fi gruppi, biex inħallu l-Ispirtu ta’ Alla jmexxina f’dan il-ħruġ kemm b’mod personali kif ukoll bħala Knisja. L-Assemblea tagħlaq għada bil-messaġġ ta’ Mons. Arċisqof.

Il-ħsieb hu li aħna ngħinu biex l-oqsma differenti tal-Knisja f’Malta matul is-sena d-dieħla jkollhom inizjattivi kreattivi u siewja li jkunu frott ta’ dixxerniment. Dejjem hi ta’ sfida kbira li ngħaqqdu flimkien il-kreattività mal-unità, mal-armonija, fid-direzzjoni u fil-ħidma.

Nixtieq li nħeġġu ħafna l-parteċipazzjoni. Iktar ma nipparteċipaw f’dan il-proċess, iktar inkunu qed nagħtu sehemna biex inkunu Knisja ħajja, Knisja li tagħraf il-missjoni tagħha u taqdiha b’ħeġġa u b’ġenerożità fid-dinja tal-lum. Nitolbu, għalhekk, lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina d-dawl u jgħinna nkunu dejjem f’attitudni ta’ dixxerniment ħa nagħrfu dak li hu qed jgħidilna fi żmienna u dak li hu qed jistedinna għalih.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti