Internet

Il-Papa Benedittu XVI qal li l-internet jista’ jkun għodda ta’ valur għall-edukazzjoni kattolika u l-evanġelizzazzjoni, u l-użu propju tiegħu għandu jkun inkoraġġit fis-seminarji kif ukoll f’istituzzjonijiet oħra tal-Knisja. “L-internet, bil-kapaċita tiegħu li jilħaq u jġib f’kuntatt nies imbiegħda minn xulxin b’distanzi twal, joffri possibilitajiet kbar għall-Knisja u l-missjoni tagħha”.

F’indirizz lill-membri tal-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika li qed iżommu laqgħa plenarja fil-Vatikan, il-Papa qal li l-Kongregazzjoni qed tikteb dokument intitolat “L-Internet u l-Formazzjoni fis-Seminarji”. Għaldaqstant ma qalx meta se jkun ippubblikat. “Meta użat b’kawtela u dixxerniment, l-Internet jista’ jkun utli mmens għal saċerdoti future, mhux biss fl-istudju, imma anki fil-ħidma pastorali fl-oqsma tal-evanġelizzazzjoni, azzjoni missjunarja, katekiżmu, proġetti edukattivi u anki fl-amministrazzjoni ta’ diversi istituzzjonijiet. Il-Knisja għalhekk teħtieġ għalliema mħejjija sew sabiex iżommu s-seminarji aġġornati fuq l-użu korrett u pożittiv tat-teknoloġija tal-informatika”, kompla l-Papa.

Meta kien qed jindirizza lill-membri tal-Kongregazzjoni, Benedittu XVI kompla li l-edukazzjoni u l-formazzjoni tas-saċerdoti future fis-seminarji, hi “waħda mill-iktar sfidi urġenti tal-Knisja llum” minħabba l-kultura ta’ relattiviżmu li hi dominanti fis-soċjeta tal-lum. “Għal din ir-raġuni huma tant importanti s-servizzi imwettqa mill-ħafna istituzzjonijiet ta’ formazzjoni madwar id-dinja li huma ispirati minn viżjoni nisranija”, temm jgħid.