• Diplomatiku tal-Vatikan saħaq li l-Knisja Kattolika taqbel mija fil-mija li jkun hawn “projbizzjoni totali” tal-armi nukleari, u kkritika n-negozjati li qed jieħdu fit-tul sabiex ma jkunx hemm tixtrid ta’ armi fuq livell internazzjonali.

    “L-armi nukleari jipprovdu sens faz ta’ sigurtà, għaliex jagħmlu sforzi biex jiżguraw paċi negattiva permezz ta’ bilanċ tal-poter,” qal l-Arċisqof Janusz Urbanczyk, li jirrappreżenta lis-Santa Sede fl-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa, li hi ffurmata minn 57 pajjiż.

    “Il-pajjiżi għandhom id-dritt u l-obbligu li jipproteġu s-sigurtà ta’ pajjiżhom, li hi marbuta mal-promozzjoni tas-sigurtà kollettiva, il-ġid komuni u l-paċi. F’din il-perspettiva, hemm bżonn ta’ kunċett pożittiv ta’ paċi, mibni fuq il-ġustizzja, l-iżvilupp integrali tal-individwu u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif ukoll fuq il-ħarsien tal-ħolqien.”

    Waqt li kien qed jitkellem fi Vjenna fis-sessjoni fuq it-Trattat tan-Non-Profilerazzjoni tal-1971, id-diplomatiku Pollakk qal li l-Vatikan  jappoġġja t-Trattat f’konformità mal-messaġġ tal-Vanġelu ta’ “fiduċja reċiproka u koperazzjoni paċifika”, u għadu jaħdem biex fid-dinja jiġu pprojbiti għal kollox l-armi nukleari. 

    Kompla jgħid li l-paċi tista’ tinbena biss fuq “valuri umani preżenti f’kull individwi, popli, kulturi, reliġjonijiet u filosofiji”, iżda qal li l-komunità internazzjonali ma ppruvatx biżżejjed biex timplimenta t-Trattat fuq il-Korea ta’ Fuq.

    Waqt it-titjira lura miż-żjara tiegħu fl-Eġittu, fi tweġiba għal mistoqsija fuq it-testijiet li l-Korea ta’ Fuq qed tagħmel bil-missili u ċ-ċaqliq militari u diplomatiku li qed jagħmlu l-Istati Uniti, il-Papa Franġsiku qal “Is-Santa Sede hi mħassba dwar dak li qed jiġri fil-penisula Koreana u tagħti l-appoġġ kontinwu tagħha lill-komunità internazzjoanli biex terġa’ tqajjem in-negozjati ta’ denuklearizzazzjoni u paċi.” Il-Papa kompla jgħid li għandu jkun hemm it-tielet pajjiż li jervi ta’ medjatur f’din it-tilwima li saret “taħraq wisq” għaliex qed nirriskjaw gwerra “li fiha se tispiċċa tinqered parti kbira tal-umanità”.

    Il-Papa Franġisku saħaq ukoll li n-Nazzjonijiet Magħquda għandha terġa’ tistabilixxi t-tmexxija tagħha għaliex waslet f’punt mingħajr żvilupp. “Nappella lill-mexxejja kollha biex jaħdmu u jfittxu soluzzjoni għall-problemi permezz tat-triq tad-diplomazija,” sostna l-Papa.

    “Hawn medjaturi li joffru l-għajnuna tagħhom, bħan-Norveġja pereżempju. Hi [in-Norveġja] dejjem lesta li tgħin. Dan huwa biss pajjiż wieħed, iżda hemm ħafna bħalu”, temm jgħid il-Papa.

    Il-Vatikan minn dejjem ikkundanna l-iżvilupp u l-ħażna tal-armi nukleari. F’Jannar, dakinhar ta’ Jum il-Paċi, il-Papa qal li “l-etika tal-fraternità u koeżistenza paċifika” ma jistgħux jiġu bbażati “fuq il-loġika ta’ biża’, vjolenza u mentalità magħluqa”.

    Il-Papa Franġisku kien ikkritika wkoll lill-militar Amerikan talli semma l-akbar bomba tiegħu “l-omm tal-bombi kollha”.