L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Marru wara Ġesù” (Ġw 1:37). Dawn it-tliet kelmiet fl-Evanġelju skont San Ġwann illum fuq iż-żewġ dixxipli jfissru l-bidla li seħħet fil-ħajja tagħhom. Dawn it-tnejn kienu dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista u meta Ġwanni uriehom lil Ġesù u qal “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:36), dawn it-tnejn “marru wara Ġesù”. Ma kinux kuntenti li rawh u daqshekk, ma qalux lil Ġwanni “grazzi tal-informazzjoni” u komplew bil-ħajja tagħhom.

Kienet dik id-deċiżjoni li jmorru wara Ġesù ġabet bidla totali fil-ħajja tagħhom. Għax marru wara Ġesù, beda dak id-djalogu ma’ Ġesù. Hu staqsiehom x’iridu, huma riedu jkunu jafu fejn joqgħod, u hu qalilhom “ejjew u taraw” (Ġw 1:39). Dawn it-tnejn marru wara Ġesù, u raw fejn kien joqgħod, u baqgħu miegħu. Mhux biss f’dak il-jum, imma baqgħu miegħu tul is-snin. Kienu wkoll fost dawk id-dixxipli li wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu ħarġu bla biża’ jħabbru lil Ġesù ħaj u baqgħu xhieda tiegħu sal-aħħar ta’ ħajjithom.

Fih insibu l-milja

Li jolqotna ħafna hu kif dawn id-dixxipli ddeċidew li jimxu wara Ġesù u jibqgħu miegħu għax fih sabu l-milja tal-ħajja tagħhom, dak li kienu qed ifittxu f’qalbhom. L-Evanġelju jgħid li wieħed minn dawn id-dixxipli “l-ewwel ma għamel” (Ġw 1:41) hu li mar isib lil ħuh u ħadu għand Ġesù. Mal-ewwel ried li jaqsam l-esperjenza pożittiva tiegħu ma’ ħuh, u jgħin lil ħuh – li eventwalment sar il-kap tal-Knisja, Pietru – biex jiltaqa’ ma’ Ġesù.

Din l-istampa ta’ dawn l-ewwel dixxipli hi, fil-fatt, l-istampa tal-ħajja tagħna: kif aħna nistgħu nkunu u għandna nkunu tassew dixxipli ta’ Ġesù. Ħafna minna, meta konna għadna żgħar, sibna lil min jgħidilna fuq Ġesù. Aktarx l-ewwel kienu l-ġenituri tagħna, bħal dawn it-tfal iż-żgħar li hawn fil-knisja għall-quddiesa llum, u rrid ngħid kemm hi ħaġa sabiħa li intom ġenituri tiġu l-knisja bit-tfal iż-żgħar. Tiddejqux, anke jekk kultant jgħajtu xi waħda. Hawn posthom!

Bis-saħħa ta’ oħrajn, aħna sirna nafu fuq Ġesù, u mbagħad sirna nafu lilu. Permezz tal-magħmudija sirna dixxipli ta’ Ġesù, u din l-għażla kkonfermajniha fil-Griżma.

Nibqgħu miegħu 

Is-sejħa lilna hi biex aħna nibqgħu miegħu kif għamlu dawn id-dixxipli. Hi stedina. Ġesù ma jġiegħel lil ħadd, qatt ma jimponi. Innutaw fl-Evanġelju, liż-żewġ dixxipli jgħidilhom “ejjew u taraw”. Mhijiex ordni, hi stedina. Lilna wkoll jistedinna biex aħna nibqgħu miegħu. Kemm hi sabiħa meta aħna bħala dixxipli nibqgħu miegħu! 

X’ifisser “nibqgħu miegħu”? Li nkunu miegħu fit-talb, speċjalment hawnhekk fil-knisja. Meta niġu hawn għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, qed nagħmlu l-għażla li nibqgħu miegħu. Tant hi importanti l-quddiesa għall-ħajja tagħna – l-aqwa mod kif nibqgħu miegħu! 

Nibqgħu miegħu wkoll meta nsiru midħla tal-kelma tiegħu, u tkun hi li qiegħda f’qalbna u li tmexxi l-ħajja tagħna. Meta nibqgħu miegħu, nintebhu li hu jimla qalbna. Huwa hu li jagħtina l-paċi u l-ferħ. Huwa hu li jurina tassew dak li jiswa fil-ħajja, dak li hu l-aktar importanti. Miegħu nsibu d-direzzjoni, is-sens tal-ħajja tagħna.

Meta nisimgħu “nibqgħu miegħu”, niftakru aktar tard fl-Evanġelju, wara l-qawmien tiegħu mill-mewt, meta kien hemm żewġ dixxipli sejrin minn Ġerusalemm għal Emmaus. Kienu mixjin b’diżappunt kbir, għalihom kien spiċċa kollox, u Ġesù ssieħeb magħhom u mexa magħhom, akkumpanjahom, u tahom dawl ġdid. It-talba li għamlulu kienet: “ibqa’ magħna” (Lq 24:29). Ibqa’ magħna, u aħna nibqgħu miegħek.

Inwasslu lin-nies għandu

Imbagħad hemm ħaġa oħra sabiħa ħafna fl-Evanġelju, meta wieħed mid-dixxipli, Indri, mar mal-ewwel isib lil ħuh u ħadu għand Ġesù. Is-sejħa li jagħmlilna hu mhux biss biex nibqgħu miegħu, imma wkoll biex ngħinu lill-oħrajn jaslu għandu. Kemm hi sabiħa meta ngħinu lill-oħrajn jaslu għand Ġesù!

Nagħmlu dan bil-kelma li ngħidu, kelma ta’ ġid, bħalma jgħid is-Salm illum “xufftejja ma żammejthomx magħluqa” (Salm 40:10). Mhux magħluqa mhux biex ngħidu kliem żejjed, imma biex ngħidu kliem ta’ ġid li jwasslu lin-nies għand Ġesù. 

Imma mhijiex biss il-kelma. Anzi, qabel il-kelma, hemm ix-xhieda tal-ħajja tagħna. Hu l-eżempju li nagħtu li jgħajjat ħafna aktar mill-kelma. Ħafna min-nies se jersqu lejn Ġesù jew jitbiegħdu minnu daqskemm aħna ngħixu jew ma ngħixux il-kelma tiegħu. Meta aħna ngħixu l-kelma, diġà tkun attrazzjoni biex in-nies jersqu lejh, u l-kontra wkoll: il-kontro-xhieda tista’ tbiegħed lin-nies minnu.

Nitolbu llum lill-Mulej biex aħna nimxu warajh bħala dixxipli tiegħu, u nibqgħu miegħu, dejjem viċin tiegħu; biex hu jkun dak li jimla lil ħajjitna, u biex inressqu aktar nies lejh ħalli fih isibu l-milja ta’ ħajjithom.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju