Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Illum l-Evanġelju jippreżentalna l-laqgħa ta’ Ġesù mal-ewwel dixxipli (cfr Ġw 1,35-42)  Dix-xena tistedinna nġarrbu l-memorja tal-ewwel laqgħa tagħna ma’ Ġesù.  Ilkoll kemm aħna ltqajna ma’ Ġesù għall-ewwel darba; meta konna tfal, adoloxxenti, żgħażagħ, adulti… Meta ltqajt ma’ Ġesù għall-ewwel darba?  Nistgħu nerġgħu nġarrbu dak il-waqt.  U wara dal-ħsieb, dit-tifkira, inġeddu l-ferħ li nimxu warajh u nistaqsu lilna nfusna: xi jfisser tkun dixxiplu ta’ Ġesù?  Mill-Evanġelju tal-lum nistgħu nisiltu tlett kelmiet: infittxu lil Ġesù, ngħammru miegħu, inħabbru lil Ġesù.

Qabel xejn infittxu.  Bis-saħħa tax-xhieda tal-Battista, żewġ dixxipli marru wara Ġesù, u HU,   meta rahom mexjin warajh qalilhom: “X’qed tfittxu?“ (v. 38).  Dan kien l-ewwel kliem li qalilhom Ġesù: qabel kollox jistedinhom biex jeżaminaw lilhom infushom u jaraw liema xewqat qed iġorru fi qlubhom.  “X’qed tfittxu?“.  Il-Mulej ma jridx jagħmel prożeliti, ma jridx “followers” superfiċjali, il-Mulej irid persuni li jeżaminaw lilhom infushom u jħallu Kelmtu tisfidahom.  Għalhekk, biex inkunu dixxipli ta‘ Ġesù, l-ewwel u qabel kollox jeħtieġ li nfittxuh, ikollna qalbna miftuħa, tfittex, mhux qalb sodisfatta, mimlija biha nfisha.

X’kienu qed ifittxu dawk l-ewwel dixxipli?  Naraw dan permezz tat-tieni verb: għammar.  Huma ma kienux qed ifittxu aħbarijiet jew informazzjoni dwar Alla, inkella xi sinjal jew mirakli, imma xewqithom kienet li jiltaqgħu mal-Messija, jitkellmu miegħu, jibqgħu miegħu, jisimgħuh. Liema kienet l-ewwel mistoqsija tagħhom? “Fejn toqgħod?” (v. 38).  U Kristu jistedinhom jibqgħu miegħu: “Ejjew u taraw” (v. 39).  Inkunu  miegħu, nibqgħu miegħu, din hi l-aktar ħaġa importanti għad-dixxiplu tal-Mulej.  Insomma, il-fidi mhix teorija, le, hija laqgħa -, hi li mmorru naraw fejn joqgħod il-Mulej u ngħammru miegħu.  Niltaqgħu mal-Mulej u ngħammru miegħu.

Infittxu, ngħammru, u fl-aħħar, inħabbru.  Id-dixxipli kienu qed ifittxu lil Ġesù, imbagħad marru miegħu u baqgħu miegħu sa filgħaxija.  U issa nħabbru.  Jerġgħu lura u jħabbru.  Infittxu, ngħammru, inħabbru.  Jien infittxu lil Ġesù?  Ngħammar miegħu?  Għandi kuraġġ inħabbar lil Ġesù?  Dik l-ewwel laqgħa ma’ Ġesù tant kienet qawwija li d-dixxipli baqgħu jiftakru dejjem il-ħin: “kienu l-erbgħa ta’ waranofsinhar” (v. 39).  Dan jurina l-qawwa ta’ dik il-laqgħa.  U qlubhom tant kienu mfawrin bil-ferħ li ħassew il-bżonn li minnufih jaqsmu ma’ ħaddieħor id-don li rċevew.  Infatti, wieħed mit-tnejn, Indrì, mar iħaffef biex jaqsam dan id-don ma’ ħuh.  Ħuti, illum aħna wkoll għandna nġarrbu l-ewwel laqgħa tagħna ma’ Ġesù.  Kollha kemm aħna kellna l-ewwel laqgħa, kemm fil-familja u wkoll ‘il barra minnha…  Meta ltqajt ma’ Ġesù, jiena?  Meta missli qalbi l-Mulej?  U nistaqsu: aħna għadna dixxipli innamrati mal-Mulej, infittxu lill-Mulej, jew mistriħin b’fidi msejsa fuq id-drawwiet?  Nagħmmru miegħu fit-talb, nafu noqgħodu fis-skiet miegħu?  Jien naf ngħammar mal-Mulej bit-talb, nibqa’ miegħu fis-skiet?  Imbagħad, inħossuha x-xewqa li naqsmu, inħabbru dan il-ġmiel tal-laqgħa tagħna mal-Mulej?

Marija Santissma, l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù, ttina d-don tax-xewqa li nfittxuh, inkunu miegħu u nħabbruh.

Wara l-Angelus

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lil-membri tal-Hermandad Sacramental de Nuestra Señora de los Remedios, minn Villarrasa (Spanja).

Ma ninsewx nitolbu għall-vittmi tat-traġedja li seħħet fil-Kolombja, li ħalliet bosta vittmi.

U ma ninsewx lil dawk li qed isofru minħabba l-ħruxija tal-gwerra f’tant inħawi tad-dinja, speċjalment fl-Ukrajna, fil-Palestina u f’Iżrael.  Fil-bidu tas-sena awgurajna l-paċi lil xulxin, imma l-armi baqgħu joqtlu u jiddistruġġu.  Nitolbu sabiex min għandu s-setgħa fuq dawn il-kinflitti jirrifletti fuq il-fatt li l-gwerra mhix it-triq biex jissolvew, għax tiżra’ l-mewt fost in-nies ċivili u teqred bliet u infrastrutturi.  Fi kliem ieħor, illum, minnha nfisha l-gwerra hi krimini kontra l-umanità.  Ma ninsehx dan: il-gwerra fiha nfisha hi delitt kontra l-umanità.  Il-popli għandhom bżonn i-paċi!  Id-dinja teħtieġ il-paċi!  Ftit minuti ilu fil-programm “A Sua Immagine” smajt jitkellem lill-Patri Faltas, il-Vigarju tal-Kustodja tal-Art Imqaddsa f’Ġerusalemm: kien qed jgħid li hemm bżonn nedukaw għall-paċi.  Għandna nedukaw għall-paċi.  Jidher li għadna m’aħniex – l-umanità kollha kemm hi – qed nedukaw b’mod li jwaqqaf kull gwerra.  Nitolbu dejjem dil-grazzja: nedukaw għall-paċi.

Nawgura lilkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org