L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi inawgura u bierek Casa Fratelli Tutti, dar li tilqa’ saċerdoti minn pajjiżi foqra li jixtiequ jistudjaw il‑Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. L‑għan ta’ Casa Fratelli Tutti hu li l‑Knisja f’Malta u l‑Università jagħtu opportunità lil saċerdoti barranin biex ikomplu l‑istudji tagħhom f’Malta minkejja l‑isfidi finanzjarji u kulturali li jistgħu jiltaqgħu magħhom. Bħalissa f’din id‑dar qed jgħixu ħames saċerdoti min‑Niġerja u ż‑Żimbabwe.

Casa Fratelli Tutti, li tinsab fid‑daħla tas‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù fir‑Rabat, fiha ħamest ikmamar tas‑sodda, kċina, kappella, u kamra fejn is‑saċerdoti jistgħu jqattgħu l‑ħin liberu flimkien. Ftehim li sar bejn l‑Arċidjoċesi ta’ Malta u l‑Fakultà tat‑Teoloġija jgħid li d‑dar titmexxa mill‑Fakultà għal dan l‑iskop pastorali u missjunarju għal perjodu ta’ 15‑il sena. Preżenti għall‑inawgurazzjoni ta’ din id‑dar kien hemm uffiċjali mill‑Ministeru tal‑Edukazzjoni, letturi tal‑Fakultà, l‑istudenti residenti, flimkien ma’ benefatturi u kollaboraturi.

L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li Casa Fratelli Tutti timxi fuq ix‑xewqa tal‑Papa Franġisku dwar kif għandha tkun il‑Knisja, jiġifieri xhieda ta’ Knisja li tilqa’. Hu enfasizza li din id‑dar tagħti rispett u dinjità lil dawn is‑saċerdoti li ġew f’Malta sabiex ikunu jistgħu jaqdu aħjar lill‑Knisja f’pajjiżhom. Il‑preżenza tagħhom hi ta’ ġid għal viżjoni ta’ Knisja fejn ninsġu rabtiet ta’ għaqda fi Kristu bħala Knisja waħda.

Id‑Dekan tal‑Fakultà tat‑Teoloġija, Dun Stefan Attard qal li b’dan il‑proġett il‑Fakultà qed tgħin b’mod konkret saċerdoti li se jkunu ta’ servizz aħjar għall‑Knisja u s‑soċjetà lura f’pajjiżhom. Qal ukoll li f’dinja mimlija sfidi, jittama li Casa Fratelli Tutti tkompli tkun fil‑prattika strument ta’ fraternità, djalogu soċjali u solidarjetà. Huwa rringrazzja lill‑benefatturi u l‑kollaboraturi kollha li għenu sabiex dan il‑proġett ikun possibbli u jħalli l‑frott mixtieq.

Isem id‑dar hu ispirat mill‑enċiklika ta’ Papa Frangisku ‘Fratelli Tutti’ li hi dwar il‑fraternità u l‑ħbiberija soċjali. Kull min jixtieq jgħin jista’ jikkuntattja lill‑Fakultà tat‑Teoloġija fuq [email protected].

Aktar ritratti