Is-Sibt, 12 ta’ Ġunju 2021, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna inawgura l-pittura l-ġdida tal‑Kor fil‑Bażilika Minuri ta’ Marija Bambina, fl-Isla.

Wara li fis-snin 30 partijiet mis-saqaf tal-Bażilika Minuri ġew impittra mill-artist Prof. Giuseppe Briffa, 80% tal-bażilika ġġarrfet mill-attakki mill-ajru matul it-Tieni Gerra Dinjija, b’konsegwenza li ntilef ix-xogħol kollu li kien sar sabiex tissebbaħ il-Bażilika. Wara l-gwerra, l-istess artist kien offra li jerġa’ jpitter is-saqaf iżda waqt li kien għaddej b’dan il-proġett ħalla din id-dinja.

Sadattant il-bażilika kompliet tiġi ddekorata u kemm l-Arċipriet John Sladden kif ukoll l-Arċipriet Vinċenz Cachia xtaqu jkomplu l-proġett tal-pittura. Fl-arkivju tal-Arċidjoċesi nsibu għadd ta’ rikorsi li wrew ix-xewqa li din il-Bażilika terġa’ tkun imsebbħa permezz ta’ pittura. L-Artist Frank Portelli kien pitter il-koppla, il-lunetti kif ukoll l-apside, iżda b’xorti ħażina miet u għalhekk ix-xogħol reġa’ waqaf.

Fis-sena 2018, l-Arċipriet Robin Camilleri flimkien mal-Kapitlu talbu l-approvazzjoni tal-Arċidjoċesi sabiex dan ix-xogħol tal-pittura jitkompla mill-artist żagħżugħ Manwel Farrugia. L-ewwel fażi tlestiet u s-Sibt 12 ta’ Ġunju saret l-inawgurazzjoni tagħha fis-sena tant importanti għall-poplu tal-Belt Invicta, l-annu li fih qiegħed ifakkar żewġ ċentinarji importanti fl-istorja tal-Knisja f’Malta: 100 sena mill-għoti tal-ġieħ ta’ Bażilika kif ukoll mill-Inkurunazzjoni tax-Xbieha ċelesti u qaddisa tal-Bambina.


Tifsira tal-pittura tas-saqaf tal-kor tal-Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla

Il-messaġġ sħiħ tal-kompożizzjoni tas-saqaf tal-kor hija l-profezija dwar il-miġja tal-Messija fid-dinja, li fiha, għalkemm b’mod indirett, insibu referenza għal Marija. Il-misteru ewlieni li nsibu fil-kotba mqaddsa hija l-inkarnazzjoni ta’ bin Alla, u għalhekk kull referenza lejn il-Madonna tifforma parti mit-tħejjija u t-twettiq ta’ dan il-misteru. Il-pittura tas-saqaf tal-kor tfakkarna fit-twelid ta’ Marija li kien wieħed mit-tappi ewlenin fil-ġrajjiet li wasslu għat-twelid ta’ Ġesù. Il-ħsieb wara l-proġett tas-saqaf kollu tal-bażilika huwa Marjan-bibliku, però b’elementi apokrifi minħabba li parti kbira mill-episodji tal-ħajja ta’ Marija ma jinsabux fil-kotba mqaddsa imma fl-apokrifi.

Fil-partijiet trijangulari ta’ fuq it-twieqi naraw rappreżentati żewġ profeti li kienu jiffurmaw parti mit-tħejjija fit-Testment il-Qadim għall-inkarnazzjoni ta’ Ġesù: Iżaija u Eżekjel. Fil-kotba ta’ dawn iż-żewġ profeti nsibu l-aktar siltiet magħrufa li jippuntaw għat-tnissil u t-twelid ta’ Ġesù, li seta’ jsir permezz ta’ Marija, u kien għalhekk bix-xieraq li huma jiġu rappreżentati hemmhekk, fis-Santwarju ta’ din il-Bażilika fejn tinżamm b’għożża il-maħbuba Bambina tagħna.

F’idejhom naraw skrollijiet li jiġbru fihom dawn is-siltiet: “Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el” (Iż 7:14) u “Dan il-bieb jibqa’ magħluq: m’għandux jinfetaħ, u ħadd m’għandu jgħaddi minnu għax il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għadda minnu, għalhekk għandu jibqa’ magħluq” (Eż 44:2).  Ix-xebba li titqal, u il-bieb magħluq li minnu ma għandu jgħaddi ħadd jirreferu għal Marija.

Fil-parti ċentrali naraw it-twelid ta’ Marija fin-nofs, bit-Trinità tħares din il-ġrajja u b’ħafna anġli fil-madwar. L-anġli jirrappreżentaw il-messaġġi li Alla Trinità jinbgħat fid-dinja, u għalhekk hawn huma tfakkira tal-messaġġ ta’ ferħ li dan it-twelid ġab fid-dinja kollha għax bih kien beda l-aħħar kapitlu ta’ stennija għall-Messija.

It-Trinità narawha rappreżentata b’mod mhux tas-soltu: flok raġel xiħ, ġuvni u ħamiema qed naraw tliet irġiel li jixxiebħu ħafna. Il-persunaġġi jingħarfu mis-simboli li għandhom f’idejhom: il-Missier mix-xettru; l-Iben jingħaraf mill-pożizzjoni tiegħu fuq il-lemin tal-Missier u mis-Salib, u l-Ispirtu jingħaraf mill-ilsien tan-nar li hemm ħiereġ mill-kornu li qed iżomm. Ir-raġuni għala l-artist għażel li jagħmilhom jixxiebħu huwa biex ifakkar fl-ugwaljanza tal-persuni fit-Trinità, kif tgħallimna d-duttrina nisranija ffissata fil-konċilji ta’ Niċea u ta’ Kostantinopli fis-seklu erbgħa. Dan kien ukoll il-mod kif it-Trinità kienet rappreżentata fl-arti paleokristjana mir-raba’ seklu ‘il quddiem.

Taħt it-Trinità naraw ix-xena tat-twelid tal-Bambina. Lil Marija narawha bħala tarbija imfisqija fi ħdan ommha, b’missierha ħdejha, biex niftakru li għalkemm Marija kienet mogħnija bi grazzja speċjali, hi kienet persuna bħal kulħadd. Dan jidher ukoll mill-qaddejja li hemm magħhom biex juru li bħal kulħadd Marija wkoll kellha l-bżonnijiet tagħha. Ninnutaw li s-sodda li fuqha twieldet il-Madonna tagħti lemħa lil tempju; dan għax it-twelid tagħha kien ħaġa qaddisa skont ir-rieda ta’ Alla fit-twettiq tal-pjan tiegħu. Is-simboli f’idejn il-puttini fix-xena ċentrali jippuntaw lejn l-uniċità tat-tarbija li għadha kemm twieldet: il-kuruna li tfakkar fin-nisel irjali tagħha mill-familja ta’ David u l-maternità tagħha fuq is-sultan tas-slaten, u l-ġilju li jfakkar is-safa dejjiema tagħha fir-ruħ u fil-ġisem biex tkun tassew tempju xieraq biex meta jasal il-waqt tagħti mill-umanità tagħha lill-Verb etern.

Id-dekorazzjoni tas-sekond’ordni, li tiġi dik l-istrixxa li naraw taħt it-twieqi fit-tul kollu tal-bażilika se tkun dekorata bi fjuri differenti li lkoll jirrappreżentaw lill-Madonna. L-ewwel tnejn li saru, li jinsabu taħt it-twieqi tal-kor huma l-myrtus communis u d-dioscorea communis. Il-myrtus communis huwa r-riħan, fjura ċkejkna bajda, u dan jirrappreżenta l-verġnità ta’ Marija. Il-fjura l-oħra, id-dioscorea communis hija l-brijonja sewda, fjura ċkejkna ta’ kulur isfar fl-aħdar li mbagħad tinbidel f’boċċi żgħar ħomor; sa mill-qedem din il-fjura kienet tirrapreżenta t-twelid tal-Madonna.

Kan. Dr Jonathan Farrugia