L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna inawgura r‑residenza Blessed Gerard li bdiet tilqa’ ommijiet refuġjati li qed irabbu weħidhom lil uliedhom. Il‑proġett twettaq mill‑Maltese Cross Corps u l-Malteser International tal-Ġermanja b’ħidma mal‑Kummissjoni Emigranti.

Ir‑residenza, li tinsab fi Gwardamanġa, tilqa’ fiha tliet familji li għandhom kmamar individwali u faċilitajiet oħra komuni fosthom kamra tal‑ikel, kċina u play area. L‑għan tal‑proġett hu li jipprovdi akkomodazzjoni u ħtiġijiet bażiċi oħra, u jgħinhom jintegraw u jkunu indipendenti. Ir‑residenti se jiġu riferuti f’din id‑dar mill‑Kummissjoni Emigranti.

Fil‑messaġġ tiegħu wara li bierek ir‑residenza, l‑Arċisqof Scicluna faħħar l‑inizjattiva tal‑Maltese Cross Corps li biddlet l‑isfidi f’inizjattivi li qabelxejn ifittxu l‑ġid tal‑proxxmu. Appella biex is‑soċjetà Maltija turi dejjem rispett u solidarjetà mal‑barranin. Stieden lil entitajiet oħra sabiex bil‑kontribut ċkejken tagħhom jagħmlu differenza fil‑ħajja tal‑oħrajn.

Is‑Sur Victor Tonna, il‑President tal‑Maltese Cross Corps, qal li Blessed Gerard Residence se tagħti d‑dinjità mistħoqqa lil dawn il‑persuni li ħallew pajjiżhom għal futur aħjar. Ir‑residenza hi msemmija għall‑fundatur tal‑Ordni Sovran Militari ta’ Malta, li din is‑sena qed jiġi mfakkar id‑900 sena minn mewtu.

F’isem il‑Kummissjoni Emigranti, Mons. Alfred Vella qal li l‑Kummissjoni, li tilqa’ mal‑400 persuna f’seba’ residenzi f’Malta, taħdem biex dawn ħutna jħossuhom milqugħin, mifhumin, mgħejunin u integrati fis‑soċjetà.

L‑inawgurazzjoni ta’ din id‑dar saret fl‑okkażjoni tal‑Jum Dinji tal‑Migranti u r‑Refuġjati, li se jiġi mfakkar nhar il‑Ħadd li ġej.