Omelija Solennità Assunta, 15 ta’ Awwissu 2023, Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Ħal Balzan

“Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1:45). Dan hu l-kliem li qalet Eliżabetta fuq Marija, meta Marija marret iżżur lilha, u kien hemm dik iċ-ċelebrazzjoni ta’ ferħ meta ltaqgħu flimkien – it-tnejn li huma kien se jkollhom tarbija. U Eliżabetta tgħid: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

Illum aħna qed niċċelebraw festa kbira ħafna, ta’ Marija li ġiet imtellgħa fis-sema bir-ruħ u l-ġisem. Kienet dik li emmnet li jseħħ dak li qal il-Mulej, u għalhekk kif smajna fit-tieni qari, fl-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, meta jitkellem fuq Kristu li qam mill-mewt, jgħid li r-rebħa hija “l-ewwel ta’ Kristu, imbagħad dawk li huma ta’ Kristu” (1 Kor 15:23). Marija kienet l-ewwel waħda li gawdiet minn din ir-rebħa, għaliex ġiet imtellgħa fis-sema bir-ruħ u l-ġisem.

Għandna għalfejn nittamaw

X’inhu l-messaġġ għall-ħajja tagħna llum? Din il-festa turina, qabel xejn, kemm aħna għandna għalfejn nittamaw, kemm għandna għalfejn inkunu kuntenti li l-mixja tagħna f’din il-ħajja mhijiex mixja li twassal għax-xejn, jew għall-vojt, imma mixja li twassal għas-sema pajjiżna.

Marija tgħallimna li għandna dejjem inżommu f’moħħna u f’qalbna fejn irridu naslu, fejn daħlet qabilna hi, u fejn aħna lkoll imsejħin biex naslu fit-tmiem tal-ħajja tagħna. Meta nżommu dan quddiem għajnejna, dan jgħinna fil-mod kif ngħixu hawn. Għax nafu li l-ħajja tagħna għandha sens, għandha direzzjoni, il-ħajja tagħna se twassal lejn dak li hu sabiħ, jekk ngħixu kif urietna Marija.

Marija takkumpanjana u tgħallimna

Nafu wkoll mhux biss fejn irridu naslu, imma nafu li Marija takkumpanjana f’din il-mixja tagħna fil-ħajja. Meta niċċelebraw il-Festa ta’ Santa Marija f’Malta, nagħmlu wkoll ċelebrazzjoni tal-akkumpanjament tagħha ma’ pajjiżna fi ġrajjiet partikolari. Din turina li aħna nemmnu li Marija hi tassew dik l-omm li lilna takkumpanjana kemm bħala soċjetà, kif ukoll individwalment u fil-familji tagħna, u timxi magħna lejn is-sema pajjiżna.

Marija mhux biss takkumpanjana imma tgħallimna wkoll kif għandna ngħixu l-ħajja tagħna. L-Evanġelju tal-lum jurina dan b’mod sabiħ ħafna. Dan l-innu tal-Magnificat hu innu li jagħti stampa ċara tal-ħajja ta’ Marija, imma wkoll ta’ kif għandna ngħixu l-ħajja, aħna u miexja lejn is-sema pajjiżna. Hemm diversi affarijiet f’dan l-innu ta’ Marija – ħa nsemmi ftit minnhom.

Ħajja ta’ gratitudni u tifħir

Marija turina li l-ħajja tagħna għandha tkun ħajja ta’ gratitudni lejn Alla, ta’ tifħir lil Alla: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46). Hawnhekk Marija tfaħħar kontinwament lil Alla għal dak li għamel magħha. Kemm hu sabiħ meta l-ħajja tagħna ngħixuha bi gratitudni lejn Alla u fuq fommna bi kliem ta’ tifħir lil Alla.

U kemm hi ħasra li kultant fostna l-Maltin – mhux aħna l-Maltin biss, imma f’Malta qed ngħixu – nisimgħu l-kontra minn nies li jemmnu f’Alla imma li l-kliem tagħhom hu kliem ta’ tkasbir, eżatt il-kontra tal-kliem ta’ Marija meta tfaħħar lill-Mulej. Għalhekk hu messaġġ sabiħ biex f’ħajjitna bi kliemna u b’għemilna nfaħħru lill-Mulej u nkunu tassew grati lejn dak li jagħmel magħna.

Kontra kull kburija

Imbagħad hemm punt partikolari li nixtieq li naħsbu fuqu, u li joħroġ ċar f’dal-kliem ta’ Marija, meta hi tgħid: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”. Marija tfaħħar il-kobor ta’Alla, mhux il-kobor tagħha. Anzi tgħid: “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Kemm hu messaġġ sabiħa għalina! Meta aħna nitkellmu fuq l-umiltà, l-ikbar eżempju narawh f’Marija.

L-umiltà ma tfissirx xi ħaġa ta’ barra minn hawn imma tfisser li tgħix il-ħajja normali. Il-kelma ġejja minn “humus” li tfisser l-art. Tgħix il-ħajja bi gratitudni lejn Alla u tfaħħar il-kobor tiegħu, mhux tqiegħed lilek innifsek u teżalta l-kobor tiegħek. Dan l-innu hu kontra kull manifestazzjoni jew parata tal-kburija li nistgħu nagħmlu fil-ħajja tagħna. Jekk aħna nikkonċentraw fuqna nfusna, nafu li qegħdin żbaljati; u jekk aħna nigglorifikaw lilna nfusna, nafu li nkunu fi żball.

Il-valuri li jiswew

Jekk aħna nfaħħru l-kobor ta’ Alla u ngħixu tassew l-ispirtu ta’ Marija, nafu li din hi t-triq li twassalna fis-sema pajjiżna. Il-Papa Franġisku għandu riflessjoni sabiħa fuq il-Magnificat. Jgħid: meta Marija qalet “xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom, niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla ċ-ċkejknin” (Lq 1:51-52), u meta tirrifletti fuq l-innu sħiħ ta’ Marija, dak li tgħid ma kienx jidher qed iseħħ fir-realtà. Erodi s-setgħani kien u baqa’ hemm, il-kbarat kienu hemm u baqgħu, il-kliem ta’ Marija ma kienx jidher li qed iseħħ.

Il-Papa jgħid: dan għax Marija ma kinetx ġurnalista li qed tirrapporta x’qed jiġri, imma kienet dik li qed tfaħħar lil Alla u turi l-valuri tas-saltna tiegħu, il-valuri li jiswew tassew. Il-kbarat jistgħu jaħkmu, jagħmlu ħafna ħoss, imma mbagħad f’mument minnhom jispiċċaw; imma min jgħix dawn il-valuri qiegħed tassew f’din it-triq li twassal għas-sema pajjiżna. Għalhekk, jgħid il-Papa, meta niċċelebraw il-festa ta’ Marija mtellgħa fis-sema bir-ruħ u l-ġisem tfisser ir-rebħa ta’ dawn il-valuri li Marija tenfasizza f’dan l-innu sabiħ tal-Magnificat.

Nitolbu llum li Marija tkun is-sinjal ta’ tama fejn irridu naslu, fl-aħħar ta’ ħajjitna, imma wkoll li takkumpanjana biex fl-għażliet tal-ħajja tagħna ta’ kuljum ngħixu l-istess stil tagħha, l-istess għażliet tal-ħajja tagħha, l-istess valuri li twasslilna llum fl-Evanġelju.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju