L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hu diffiċli li tifhem lil Ġuda. Dan kien wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù, li għażlu Ġesù; kien qrib tiegħu, kien semgħu ħafna drabi jagħti t-tagħlim sabiħ tiegħu u jarah ukoll jagħmel il-mirakli. Fuq kollox, gawda mill-imħabba tiegħu. Fl-Evanġelju skont San Ġwann, insibu lil Ġesù fl-Aħħar Ċena jaħsel saqajn Ġuda wkoll, flimkien mad-dixxipli l-oħra. Jiġifieri Ġesù wrieh imħabba sal-aħħar.

X’daħal f’moħħu Ġuda? Veru ftiehmu li jagħtuh, imbagħad tawh, 30 biċċa tal-fidda. Imma din ma kinitx xi somma kbira; fil-fatt fil-ktieb tal-Eżodu, 30 biċċa tal-fidda kien il-prezz ta’ skjav (Eżodu 21:32). Hu veru li r-regħba ġġiegħlek tagħmel ħafna affarijiet ħżiena u ddaħħlek fi sqaq. Imma x’daħal f’moħħu Ġuda? Aktarx li kellu idea differenti ta’ kif għandu jkun Ġesù bħala Messija, riedu jkun differenti. Imma kellu żgur lil qalbu ’l bogħod minn Ġesù. Innutaw f’din is-silta kif id-dixxipli kollha, ħlief Ġuda, jgħidulu “Mulej” – “Jaqaw jien, Mulej?” U Ġuda jgħidlu “rabbi”. “Mulej” turi ħafna aktar rabta mill-qrib minn “rabbi”, kif kienu jsejħulu oħrajn li mhux dixxipli tiegħu, mhux qrib tiegħu. Ġuda kellu qalbu ’l bogħod minn Ġesù, u speċjalment f’qalbu ma fehemx l-iktar ħaġa importanti tal-Aħbar it-Tajba, tal-messaġġ ta’ Ġesù: li Alla hu Alla li jħobb u jaħfer, u li ma jridx il-mewt tal-midneb imma li jerġa’ lura minn ħtijietu u jgħix.

Fil-fatt Ġuda ddispjaċih ta’ dak li għamel. Aktar tard, fl-Evanġelju narawh imur għand il-qassisin il-kbar fis-santwarju, iwaddab il-flus li tawh, u jgħidilhom “Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija!” (Mt 27:4). Imma flok reġa’ lura għand Ġesù u talbu maħfra, bħalma għamel Pietru li Ġesù ħafirlu, Ġuda qata’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla.

Ġuda kellu qalbu ’l bogħod minn Ġesù, u speċjalment f’qalbu ma fehemx l-iktar ħaġa importanti tal-Aħbar it-Tajba: li Alla hu Alla li jħobb u jaħfer, u li ma jridx il-mewt tal-midneb imma li jerġa’ lura minn ħtijietu u jgħix.

Mhuwiex f’idejna li niġġudikaw lil Ġuda bħala persuna, dak f’idejn Alla. Imma żgur li jgħallimna ħafna għall-ħajja tagħna. Jgħallimna kemm għandna noqogħdu attenti, bl-għajnuna ta’ Alla, mit-tradiment – li ma nibdlux lil Ġesù ma’ ħaddieħor jew ma’ xi ħaġa oħra. Imma fuq kollox jgħallimna li qatt ma għandna naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla. Alla dejjem lest jaħfrilna, jagħtina l-imħabba u l-ħniena tiegħu, u jistenniena lura meta aħna nonqsuh.

Għalhekk mhux sewwa li kultant ngħidu “forsi Alla ma jaħfirlix”. Hu aħna li ma naħfrux lilna nfusna kultant, minħabba r-rimors, minħabba xi ħaġa li nkunu għamilna ħażina li nibqgħu fiha u qisha tipparalizzana. Alla dejjem jistenniena, dejjem lest biex jaħfrilna ħalli jagħtina l-grazzja li nibdew mill-ġdid u nqumu mill-iżbalji u mid-dnubiet tagħna.

Aħna u nimxu ’l quddiem, issa wasalna fl-aħħar jiem, l-iktar importanti, tal-Ġimgħa Mqaddsa, meta niċċelebraw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, nitolbuh biex imissilna qalbna bl-imħabba u bil-ħniena tiegħu. Jagħtina l-grazzja li nkunu mbiegħda mit-tradiment, li ma nittradux lil Ġesu b’dak li nagħmlu jew li nibdluh ma’ xi ħaġa oħra jew xi ħaddieħor. Imma fuq kollox jagħtina l-grazzja tal-konverżjoni tal-qalb, li aħna dejjem nagħrfuh bħala Alla li jħobbna, li jaħfrilna, li ma jridx il-mewt tal-midneb imma li jerġa’ lura minn ħtijietu u jgħix.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju