L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ressaq idek u qiegħda fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi iżda emmen” (Ġw 20:27). L-istedina li Ġesù jagħmel lil Tumas bħal-lum tmint ijiem fuq l-Għid hija stedina li qed jagħmel lil kull wieħed u waħda minna llum.

Xi tfisser li nressqu jdejna u nqegħduha fuq il-ġenb ta’ Ġesù? Il-ġenb ta’ Ġesù huwa l-ġenb minfud mil-lanza nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Ġwanni, l-istess evanġelista li jagħtina dan ir-rakkont li għadna kemm smajna, huwa xhud li minn dak il-ġenb minfud, mill-kustat minfud ta’ Ġesù ħarġu demm u ilma. San Ġwann Krisostmu, wieħed mill-missirijiet il-kbar tal-Knisja, jgħidilna li dak id-demm u l-ilma huma s-sagramenti tal-Knisja. L-ilma huwa l-ħasil li bih tnaddafna minn dnubietna. Id-demm huwa dak li bih infdejna u li jrejjaqna fis-sagrament imqaddes tal-Ewkaristija. Min dak il-ġenb, bħalma Eva twieldet mill-ġenb ta’ Adam, twieldet minn Adam il-ġdid il-Knisja, Eva l-ġdida. Dak il-ġenb ifisser il-ħolqien ġdid.

“Ressaq idek u qiegħeda fuq ġenbi” (Ġw 20:27). Qed jistedinna l-Mulej biex aħna nersqu lejn l-għajn tal-ħniena u nitrejqu bil-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħu. Qegħdin ngħixu fi żmien partikolari u diffiċli ħafna għax din l-istedina ta’ Ġesù ma nistgħux naċċettawha b’mod komplet. It-talba tagħna llum dan il-Ħadd iddedikat lill-Ħniena Divina hu li Alla jħenn għalina u li ma ndumux ma nkunu nistgħu nersqu lejn il-qrar bil-libertà kollha li konna drajna biha u ta’ dan irridu nirringrazzjaw illum il-ministri tal-ħniena divina li huma s-saċerdoti tagħna u nitolbuh ukoll il-grazzja li ma ndumux ma nerġgħu niltaqgħu fil-knejjes tagħna biex nagħmlu t-tqarbina bil-Ġisem u d-Demm tiegħu.

Aħna qegħdin nistednukom li nagħmlu l-qrara tax-xewqa, nistgħu ngħidu, billi nitolbu maħfra ’l Alla b’indiema sħiħa u l-Mulej jaraha din l-indiema u jilqagħha bil-proponiment li mal-ewwel ċans li jkollna, nqerru. U qed nistednukom nagħmlu tqarbina spiritwali f’kull quddiesa li tiġi mxandra u trasmessa fuq il-media soċjali. Imma bħalma qalilna l-Papa ftit tal jiem ilu, ix-xewqa tal-Knisja hija li terġa’ tiltaqa’ bħala familja waħda u li dawn il-kliem ta’ Ġesù jkunu għaliha realtà sagramentali qawwija.

“Ressaq idek u qiegħda fuq ġenbi” (Ġw 20:27). Il-Mulej Ġesù nhar l-ewwel jum tal-ġimgħa, nhar il-Ħadd ġimgħa wara l-irxoxt tiegħu, jerġa’ jiltaqa’ mad-dixxipli tiegħu miġburin u jiltaqa’ wkoll ma’ Tumas li b’intelliġenza kbira, irid jara l-evidenza u jifhem li ’l Ġesù aħna nistgħu nagħrfuh billi nressqu jdejna u l-ħarsa tagħna lejn il-pjagi tiegħu. Ġesù jurina l-pjagi tiegħu madwarna fejn hemm is-solitudni, fejn hemm il-qtigħ il-qalb, fejn hemm min hu emarġinat, fejn hemm min jitħalla jmut minħabba n-negliġenza tagħna, dawk li jmutu minħabba l-mard u għalkemm nippruvaw nikkurawhom, hemm il-limitu ta’ dak li  nistgħu nagħmlu. Dawn huma l-pjagi ta’ Ġesù llum u aħna nagħrfuh permezz tal-pjagi tiegħu. Għaliex aħna, bħalma jgħidilna (l-Appostlu Missierna, għalkemm ma rajniehx inħobbuh). Il-kliem tal-appostlu Pietru jagħtina faraġ kbir: “Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu, fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż li ma jistax jitfisser waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom li hu s-salvazzjoni tagħkom” (1Pt 1:8-9).

Meta ’k Alla jrid tgħaddi minn fuqna din il-burraxka, se jkolli l-ferħ ngħammed diversi adulti li qed jippreparaw għall-Magħmudija li ma stajniex nagħmduhom fil-vġili tal-Għid li għadda. U l-ewwel mistoqsija li npoġġilhom hija: ‘X’tixtieq mill-Knisja?’ Huma jirrispondu: ‘Il-fidi’. U jiena ngħidilhom: ‘Imma l-fidi x’se tagħtik?’ ‘Il-ħajja ta’ dejjem’. Dan id-djalogu li jippreċedi li jkun qabel il-Magħmudija tagħhom, huma qed iwettqu u jikkonfermaw it-tagħlim tal-appostlu Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu li llum smajna fit-Tieni Qari: “Intom tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, li hu s-salvazzjoni tagħkom” (1Pt 1:9). Ġesù stess jagħtina din il-barka li hija l-barka propju tagħna: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). U l-evanġelista Ġwanni jagħmel nota: “Dan kollu nkiteb sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija, l-Iben ta’ Alla u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu” (Ġw 20:31).

F’dan il-Ħadd tal-Ħniena Divina, ejjew nitolbu ’l Mulej id-don tal-fidi li aħna ma nibżgħux nintelqu f’idejh, anzi mmiddu jdejna biex immissu l-pjagi qaddisa tiegħu mingħajr ma ninsew li qed jistedinna narawhom f’ħutna ppjagati, f’ħutna qegħdin isofru u jbati. U waqt li nnewlu jdejna li tkun id ta’ fidi, id ta’ mħabba, id ta’ tama kbira.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 2, 42-47
Salm: 117 (118), 2-4.13-15.22-24
Qari II: 1 Piet 1, 3-9
Evanġelju: Ġw 20, 19-31