Il-Papa Ljun XIV appella lill-Kattoliċi madwar id-dinja biex jipperseveraw fit-talb għal kull min qed ibati mill-gwerra, u għal kull min qed ifittex il-paċi. Huwa qal li b’kuraġġ għandna nibqgħu nitolbu għall-paċi u l-armonija.

Dan qalu fir-Regina Caeli tal-lum minn Pjazza San Pietru, fejn il-Papa qal lil dawk preżenti li aħna u għaddejjin fil-ħajja ta’ kuljum u tul il-vjaġġ tal-fidi, ikun hemm żminijiet fejn mhux ħa nħossuna adegwati.

Iżda qal li l-Ispirtu s-Santu huwa propju Alla fina. B’hekk spjega li kull wieħed u waħda minna huwa post fejn jgħix Alla u nistgħu nissejħu “tempji ta’ Alla”. 

Għaldaqstant, b’referenza għall-Vanġelu tal-lum (Ġw 14:23-29), huwa fakkar li m’għandniex nistrieħu fuq l-abbiltajiet tagħna imma fuq il-ħniena tal-Mulej li għażilna.

“L-Ispirtu s-Santu jiggwidana u jgħallimna kollox”

Il-Papa qal ukoll li meta l-Appostli urew il-konfużjoni tagħhom, Ġesù kellimhom fuq ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu, li “jiggwidana u jgħallimna kollox”.

Għaldaqstant fisser li meta nitħassbu fuq kif se nagħtu xhieda tas-Saltna ta’ Alla, għandu jkun l-Ispirtu s-Santu li jneħħilna din l-ansjetà, għax ikun hu li jgħinna nħarsu Kelmtu, anki fir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn.

Huwa spjega dan billi qal li jekk nibqgħu fl-imħabba ta’ Alla, din l-imħabba tinfluwenza kif naħsbu u naġixxu.

Apparti hekk, huwa l-Ispirtu s-Santu li permezz tiegħu għandna l-abbiltà li nseperjenzaw il-preżenza u l-qrubija ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum.

“Il-Mulej ma jistħix mill-umanità tagħna imma jiġi jgħix fina”

Il-Papa spjega li meta naħsbu fuq is-sitwazzjonijiet tagħna, in-nies li jiġu f’ħajjitna, ir-responsabbiltajiet tagħna, u s-servizz tagħna fil-Knisja, kull wieħed u waħda minna nistgħu ngħidu b’kunfidenza li huma x’inhuma n-nuqqasijiet tagħna, il-Mulej mhux talli ma jistħix mill-umanità tagħna imma talli jiġi jgħix fina.

B’hekk, aħna min aħna, huwa jagħmilna strumenti u sinjali ta’ mħabbtu għall-oħrajn, għas-soċjetà, u għad-dinja.

B’din il-wegħda bħala l-bażi tagħna, huwa ħeġġeġ biex nimxu fil-ferħ tal-fidi u nxerrdu mħabbtu kullimkien mingħajr ma ninsew li kull wieħed u waħda minnha huwa post fejn jgħix Alla.

Huwa żied jgħid li għandna nitolbu għall-interċessjoni ta’ Marija ħalli magħha naslu biex nesperjenzaw il-ferħ ta’ meta nilqgħu lil Alla f’ħajjitna.

“Il-preżenza ta’ Alla tidher fuq kollox fiż-żgħar u f’dawk li qed ibatu”

Wara t-talba tar-Regina Caeli, il-Papa Ljun XIV semma lil Stanislaus Streich u x-xogħol tiegħu mal-foqra u l-ħaddiema – qassis Pollakk li ġie bbeatifikat is-Sibt. Dan kien inqatel fl-1938 frott mibegħda lejn il-fidi.

Huwa semma wkoll il-Ġurnata ta’ Talb għall-Knisja Ċiniża ukoll fl-24 ta’ Mejju. Qal li dan it-talb juri ħsieb favur is-sehem tal-komunità Ċiniża fil-Knisja universali.

Apparti hekk aċċenna għall-anniversarju tal-Enċiklika “Laudato sì” ffukata fuq dar komuni. Qal li din spirat inizjattivi u għallmitna nisimgħu l-foqra u lil min qed ibati. Huwa ta kuraġġ lil kull min qed jaħdem favur dan il-moviment.

Fl-aħħar huwa sellem lin-nies u l-pellegrini preżenti fosthom pellegrini minn Valencia u l-Polonja.  

Fid-dawl li l-Ministeru tiegħu fosthom beda ftit jiem ilu, il-Papa rringrazzja lin-nies tal-imħabba li qed juru, u talabhom biex jibqgħu jappoġġjawh bit-talb u l-qrubija tagħhom.

Sors: Newsbook Malta