Tlesta il‑proġett ta’ konservazzjoni u restawr fuq żewġ pitturi kbar li jinsabu fl‑apside tal‑knisja parrokkjali ta’ San Girgor il‑Kbir f’Tas‑Sliema. Ix‑xogħol ta’ restawr, li ammonta għal €110,000 b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea, ġie inawgurat mill‑Isqof Joseph Galea‑Curmi u s‑Segretarju Parlamentari Chris Bonett. Preżenti għall‑inawgurazzjoni kien hemm ukoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u l‑kappillan Dun Victor Scicluna.

Permezz ta’ dan ix‑xogħol ta’ restawr, li għalih ikkontribwixxew ukoll il‑parruċċani, tnaddfu l‑pitturi kif ukoll tnaqqas il‑kontenut tal‑melħ fuq is‑saff tal‑ġebla, ingħalqu l‑ġonot tal‑ġebel, u sar l‑irtokk u l‑kisi protettiv meħtieġ. Dan għaliex mal‑medda tas‑snin, iż‑żewġ pitturi kienu esposti għal livelli għoljin ta’ umdità. Barra minn hekk, kien hemm ukoll tbajja’, trab, u akkumulazzjoni ta’ nugrufun fuq il‑wiċċ tal‑pitturi.

Dawn l‑opri tal‑arti nħadmu fis‑snin 40 mill‑artist Taljan Eliodoro Coccoli, li nsibu ftit xogħlijiet oħra tiegħu fil‑knejjes f’Malta. Il‑pittura fl‑apside li turi lil Kristu u żewġ anġli hija tila mal-ħajt bi sfond ta’ induratura taż‑żejt applikata direttament fuq l‑appoġġ tal‑ġebel. Il‑pittura ta’ wara l‑artal hija tila mwaħħla mal‑ħajt li turi xena mill‑ħajja ta’ San Girgor il‑Kbir.

L‑Isqof Galea‑Curmi rringrazzja lil dawk kollha li għenu f’dan il‑proġett ta’ restawr u qal li l‑ħarsien tal‑patrimonju hu dmir tagħna.  Qal ukoll li kull proġett ta’ restawr hu ċelebrazzjoni tas‑sbuħija, u l‑Knisja f’Malta għandha dan l‑impenn: li fl‑oqsma differenti tagħha, u f’dal‑każ fil‑qasam artistiku u kulturali, tħeġġeġ l‑apprezzament għas‑sbuħija fis‑soċjetà Maltija.

Dr Bonett qal kif minbarra l-għan ewlieni ta’ tisbiħ u konservazzjoni li jagħtu ġieħ lil din l-opra tal-arti, l-użu ta’ fondi Ewropej biex isir dan ir-restawr jservi ukoll bħala addizzjoni tal-prodott turistiku Malti. “Dan il-Gvern huwa kommess li tibqa’ titjieb il-kompetittività Maltija fis-settur tat-turiżmu permezz tal-promozzjoni, il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ assi naturali, kulturali u storiċi, li huma maħsuba biex itejbu l-esperjenza tat-turiżmu kulturali Malti.”

Is‑Sur Pace Ross qal li l‑opri tal‑arti ta’ Eliodoro Coccoli f’din il‑knisja għandhom valur storiku għaliex huma rari u x‑xogħlijiet tiegħu barra l‑Italja jinsabu biss f’Malta u fl‑Iżvizzera. Hu rringrazzja lill‑kumpanija Atelier del Restauro għax‑xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr fuq il‑pitturi, kif ukoll lill‑EMCS għas‑servizz ta’ konsulenza.

L‑ewwel ġebla tal‑knisja parrokkjali ta’ San Girgor il‑Kbir tpoġġiet proprju 100 sena ilu, fl‑20 ta’ Awwissu 1923, iżda l‑knisja tlestiet 18‑il sena wara, jiġifieri fl‑1940, wara l‑ġenerożità tal‑Isqof Mauro Caruana u benefatturi oħra. Din hi waħda minn għadd ta’ knejjes f’Malta li qed jibbenefikaw mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020.

Aktar ritratti