L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Iż-żerriegħa waqgħet f’art tajba u għamlet il-frott”.  Dan hu li għidna fis-Salm Responsorjali għal aktar minn darba, b’rabta ma’ dak li smajna fl-Evanġelju llum – il-parabbola li qal Ġesù tal-bidwi li ħareġ jiżra’.

Nixtieq li nħarsu lejn il-kelma ta’ Alla llum, u nifhmu ftit l-enfasi li hawn fuq din il-kelma ta’ Alla li minnha nnifisha hi kelma qawwija imma li fl-aħħar mill-aħħar jiddependi minna jekk tagħmilx il-frott fina.

Kelma qawwija u kreattiva

Fl-Ewwel Qari jispjega dan b’mod sabiħ ħafna l-Profeta Isaija (Is 55:10-11) meta jgħid li l-kelma ta’ Alla hi kelma qawwija u kreattiva, li toħloq il-ġdid u tibdel. Kull meta aħna nisimgħu l-kelma ta’ Alla, nindunaw li mhijiex kelma li sempliċiment tiddeskrivi dak li hemm, qisha qed turi dak li hemm, imma hi kelma li għandha fiha l-qawwa li toħloq, għandha fiha l-qawwa li tibdel lill-persuna.

Dan jurih ukoll b’mod sabiħ ħafna Ġesù fl-Evanġelju. Meta jgħid il-parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra’, Ġesù jispjegaha. Ftit huma l-parabboli li Ġesù joqgħod ifissirhom. Imma hekk jagħmel hawnhekk. Juri kif Alla għandu kelma qawwija, imqabbla maż-żerriegħa li għandha l-kapaċità fiha li tagħmel il-frott, għandha l-qawwa li tagħmel il-ġid, imma jiddependi ħafna minna. Għalhekk fil-parabbola (Mt 13:4-8) hemm iż-żerriegħa li taqa’ fil-mogħdija, imbagħad dik li taqa’ fuq il-blat, imbagħad dik qalb ix-xewk, u wkoll dik li taqa’ f’art tajba. Ġesù jispjegaha l-parabbola (Mt 13:18-23).  Jgħid li din hi l-kelma ta’ Alla kif tasal lilna, u jiddependi ħafna minna jekk din il-kelma nilqgħuhiex fina biex tista’ tagħmel il-frott.

Mhux l-isforzi kollha jħallu l-frott

Hawn Ġesù jsemmi ċirkustanzi differenti. Hemm min jisma’ l-kelma ta’ Alla, ma jifhimhiex, u l-kelma tgħaddi mal-kliem l-oħra – dik hija ż-żerriegħa li taqa’ fil-mogħdija. Kemm hu importanti dan li qed jgħid Ġesù! Qed jgħid fuq min il-kelma ma jifhimhiex; imma flok jipprova jifhem x’qed jgħid, jibqa’ għaddej. Kultant jiġri li f’affarijiet oħra nagħmlu sforz u ninżlu fil-fond u nippruvaw nifhmu, u jekk xi ħaġa ma nifhmuhiex nistudjawha biex naraw xi tfisser, imma ma nagħmlux l-istess mal-kelma ta’ Alla. F’dal-każ, tibqa’ għaddejja ma’ ħafna affarijiet oħra.

Ġesù jsemmi wkoll iż-żerriegħa li taqa’ qalb il-blat. U jgħid li dawn huma dawk li jilqgħu l-kelma b’entużjażmu, jieħdu pjaċir biha, imma jkun entużjażmu tal-mument; il-kelma ma tinżilx fil-fond fl-għeruq, u għalhekk ma tistax tagħmel frott.

Isemmi wkoll iż-żerriegħa li taqa’ qalb ix-xewk, biex ifisser il-bniedem li jilqa’ l-kelma, imma l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu dil-kelma. Għalhekk jista’ jara li hi kelma sabiħa, imma moħħu jkun f’affarijiet oħra.

F’art tajba tagħmel il-frott

Isemmi mbagħad iż-żerriegħa li taqa’ f’art tajba. Hi l-kelma li ssib min jilqagħha, u għalhekk tista’ tinżel fil-fond u tagħmel il-frott. Għalhekk il-messaġġ għalina hu li rridu nkunu mħejjija biex nilqgħu l-kelma ta’ Alla f’ħajjitna ħalli tista’ tagħmel il-frott. Meta aħna nilqgħu l-kelma ta’ Alla b’qalb miftuħa, hi tagħmel il-ħajja tagħna isbaħ, ħafna aħjar, u l-ħajja ta’ min imiss magħna ħafna isbaħ u ħafna aħjar. Hija dik iż-żerriegħa li ssib art tajba.

Punt importanti li joħroġ minn din il-parabbola huwa li Alla jkellimna imma lilna jħallina fil-libertà, u għalhekk jiddependi ħafna minna. Alla ma jisfurzax lilu nnifsu fuqna – hekk tfisser il-parabbola ta’ Ġesù. Għalhekk hija responsabbiltà tagħna li nilqgħu l-kelma ta’ Alla, u niftħu qalbna għaliha.

Inwasslu l-kelma bla ma qatt naqtgħu qalbna

Il-kelma ta’ Alla llum turina li lilna lkoll – mhux saċerdoti biss, imma lkoll – bil-magħmudija Alla tana r-responsabbiltà li mhux biss nilqgħu l-kelma imma nwassluha lill-oħrajn. Turina kemm hu importanti li aħna qatt ma naqtgħu qalbna. Kultant jista’ jiġri dan. Jekk naraw il-parabbola li qal Ġesù, il-bidwi li ħareġ jiżra’ kellu esperjenza li parti sew mill-isforzi tiegħu kienu għalxejn, għax ħlief iż-żerrigħat li waqgħu f’art tajba, l-oħrajn intilfu. Imma fil-fatt, il-ħidma tal-bidwi ma kinetx għalxejn, imma kienet importanti. Allaħares irraġuna li ladarba ħafna mill-isforzi tiegħu mhux se jħallu frott, allura aħjar ma jagħmel xejn!

Aħna kultant inkejlu l-isforzi tagħna. U meta naraw min ma jagħtix każ, min hu indifferenti, min ikollu ftit entużjażmu imma jisfaxxa fix-xejn, min jagħmel il-kontra, qisna naraw dak li hu negattiv biss u nibdew inqisu li l-ħidma tagħna hi għalxejn, li mhux vallapena nagħmlu sforzi kbar. Il-kelma ta’ Alla tfakkarna li għandna nħarsu lejn l-isforz li għandna nagħmlu, nagħmluh tajjeb u bi mħabba u noffruh il-Mulej, u żgur li se jħalli l-frott. Mhuwiex dejjem kemm nixtiequ aħna, jew fejn nixtiequ aħna, imma frott iħalli żgur, u dan bil-qawwa ta’ Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Ritratt: Nicholas Githiri