• Il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Emeritus Pawlu Cremona O.P. u l-Vigarju Generali Mons. Joe Galea Curmi, awguraw Milied ħieni lil impjegati tal-Kurja, tal-Caritas, tat-Tribunal Ekklezjastiku, tas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija, tal-Kummissjonijiet u s-Segretarjati differenti, filwaqt li apprezzaw il-ħidma fejjieda li dawn iwettqu tul is-sena kollha.

    Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

    23 ta’ Diċembru 2016

    L-ewwel nett nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom. Nixtieq li qabel nawguraw lil xulxin nagħmlu talba għas-sitwazzjoni li qiegħda tevolvi bħalissa fil-Malta International Airport. Nitolbu għal kull min qiegħed fin-negozjati, nitolbu biex tkun garantità l-inkolumità, is-saħħa, il-ħajja ta’ kull min hu implikat f’din il-biċċa.

    Ħa ngħidu ‘Sliema’ u ‘Qaddisa’ flimkien. Reġina tal-Paċi, itlob għalina.

    Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzjakom ħafna tax-xogħol li jsir b’kollaborazzjoni mad-djoċesi Maltija matul is-sena. Nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom tal-kontribut li tagħtu, nawgura li anke taħt it-tmexxija tal-Papa Franġisku, aħna lkoll nkunu nistgħu nentużjażmaw ruħna f’din il-missjoni straordinarja li nkunu ta’ servizz għall-Evanġelju. Jalla kull ma nagħmlu fl-oqsma kollha, ikun Aħbar Tajba għal min jiltaqa’ magħna, għal min ikollu jipparteċipa fil-ħidma tagħna, u anke min jirċievi xi servizz permezz tagħna. Ma nixtieqx insemmi ismijiet għax nixtieq nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom.

    Hawn diversi oqsma imma, kull meta niltaqa’ magħkom ta’ kull sena, nirrealizza l-Knisja kemm hi preżenti f’oqsma differenti. Din il-ħmira ċkejkna li fl-għaġna għandha effett. Issa jekk hux fiċ-ċentru, fil-ġenb, għandha effett, dan id-dawl kultant kiebi li f’mumenti ta’ dlam jaf jagħti faraġ kbir. Din il-kelma li kultant hija skomda u tqanqal ħafna allerġiji – hawn min għandu irritazzjoni kronika – imma xorta waħda tibqa’ kelma u din hemm bżonn li nkunu ċari fuqha: kelma ta’ ħbieb. It-talba li nitlob jien hija li l-kelma tagħna, anke meta tkun iebsa, min jaqraha u jħoss l-allerġija tiela’, jirrealizza li hija kelma ta’ ħabib.

    Nixtieq insemmi inizjattiva waħda għax hija marbuta ma’ dawn il-jiem u li lilna għandha tagħmilna tassew kburin. Jiena s-sena li għaddiet lil Leonid għidltu: “l-ikla tal-Milied nixtieq li nagħmluha hawnhekk f’dan ir-Refettorju” imma ġralna li dan ir-refettorju ħin minnhom sar żgħir. Issa għandna l-bitħa bit-tinda u nawgura li fil-Milied ikollna dan l-ambjent sabiħ li jilqa’ lil min iħossu waħdu u li bl-inizjattiva tal-Caritas Malta, tad-Djoċesi, bil-għajnuna anke tal-awtoritajiet ċivili u ta’ diversi benefatturi, inkluż anke il-‘Community Chest Fund’ ikollna atmosfera sabiħa ta’ inklussività.  Għandna sitwazzjonijiet ta’ tbatija fil-pajjiż b’mod speċjali fejn huma koinvolti l-emigranti u l-immigranti u aħna nixtiequ li nkunu preżenza ta’ kenn u faraġ f’sitwazzjonijiet delikati ħafna.

    Aħna nafu li dak li qed iseħħ fl-Ewropa, fin-nies joħloq reazzjoni iebsa ħafna u aħna rridu nisimgħu l-kelma tal-Papa Franġisku biex nibqgħu sodi fil-valuri tal-Evanġelju. Kien hemm xi ħadd li f’ġurnal minnhom illum kiteb: “imma kif jista’ jkun aħna ngħidu li qed jiġu mhedda l-valuri tagħna meta mbagħad l-valuri tagħna ninsewhom kif nitrattaw lil ħaddieħor, lil xulxin?”.

    Aħna u niddefendu l-patrimonju kulturali tagħna, ejjew napplikawh illum. Dan l-affresk huwa uniku għaliex mhux l-affresk tan-nawfraġju imma huwa l-affresk ta’ Pawlu li se jitlaq minn Malta wara tliet xhur. Peress li l-Maltin għabbew fuq il-ġifen li kien ġej minn Lixandra, dak kollu li kien hemm bżonn – u hawnhekk kif tafu hawn ħafna ingredjenti imbagħad stejjer tal-Bibbja li jiddeskrivu l-ingredjenti li hemm fuq in-naħa ta’ isfel, kienet ħaġa sabiħa li nfakkru din il-ġenerożita tal-Maltin li anke fil-vjaġġ tar-ritorn lejn Ruma, aħna tajnih dak kollu li hemm bżonn. Din hija esperjenza li m’għandhiex tkun biss memorja fuq pittura fir-Refettorju tas-seminarju jew tal-Kurja llum, imma r-realta tal-lum.

    Jiena nirringrazzja lil kulħadd, tas-servizz, li kulħadd jagħti fil-qasam tiegħu. Jiena l-bieraħ qrajt il-messaġġ li l-Q. T. il-Papa Franġisku għamel lill-Kurja Rumana. Irnexxieli xorta norqod wara. U akkwistajt malajr, dak il-ħin stess, kopja tal-ktieb li ta lil kull membru tal-Kurja li mar jawguralu l-Accorgimenti per Alcuni Morbi ta’ Claudio Aquaviva. Bdejt naqrah, mhux twil ħafna u juri Aquaviva ktieb tal-1600, kif min imexxi irid ikun missier ta’ qalb kbira, jieħu ħsieb lil kull wieħed u waħda li qegħdin afdati lilu, imma li fl-istess ħin irid juri fermezza u ħlewwa.

    Nixtieqkom titolbu għalija biex il-kliem tal-Papa Franġisku li kien ċar ħafna, jiena neħodhom bis-serjetà, neħduhom ilkoll bis-serjetà u ngħixuhom imma speċjalment itolbu għalija biex dawn il-pariri ta’ Aquaviva, li l-Papa Franġisku qed jissuġġerihom bħala ezami tal-kuxjenza għall-leaders fil-Knisja, aħna neħduhom bis-serjetà. Hawnhekk jiena għandi grupp ta’ leaders għaliex fil-prinċipju tas-sussidjarjetà hemm il-kariżma tal-Isqof djoċesan imma mbagħad kulħadd huwa leader fil-qasam tiegħu. Il-kriterju ta’ fermezza u ħlewwa li jrid ikun tar-ragħaj, irid jiġi kkomunikat ukoll, jiġi mħaddan minn kull min għandu responsabbiltà, kuħadd għandu r-responsabbiltà tiegħu, kulħadd irid jaħdem flimkien. Jiena nawgura li f’dawn ix-xhur, is-snin li ġejjin aħna jkollna din il-grazzja li nieħdu l-kelma tal-Qdusija Tiegħu bis-serjetà bħala don kbir mill-Mulej.

    Dalgħodu kont il-ħabs – ma għamilt xejn, insomma għamilt, imma ma nqbadtx, għaliex kif jgħid wieħed famuż: id-distinzjoni bejna u dawk tal-ħabs hi dawk jinqabdu u aħna le. Kelli kollokju mar-residenti u fakkarthom, tajthom Bambin ċkejken min ġie, min ġie għax din bħal premjazzjoni tal-MUSEUM, issa nispera li s-sena d-dieħla jkun hemm iżjed. Tajthom Bambin ċkejken u għidtilhom: “x’timissjaw?”. Qaluli: “il-familja” mal-ewwel. F’dawn il-ġranet jimmissjaw il-familja, il-libertà. Għidtilhom: “imma ħarsu lejn il-Bambin Ġesù. Nixtieqkom tiftakru dawn iż-żewġ affarijiet. Għandu żewġ ismijiet il-Bambin: Ġesù u Għimmanu-El. Għalina dik hija l-missjoni u l-istrateġija tiegħu. Il-missjoni tiegħu hija li jsalvana, l-istrateġija tiegħu li jkun magħna, Huwa Yeshua billi jkun Għimmanu-El, u irridu nkomplu l-missjoni ta’ Ġesù billi nkunu man-nies, magħna nfusna, preżenti għalina nfusna billi nagħtu ftit ħin għalina nfusna, bejnietna u mal-oħrajn. Inkunu Ġesù billi nkunu preżenti, billi nkunu Għimmanu-El.

    Nawgura lil kulħadd Milied ħieni u nawguralkom mill-qalb mument, imqar wieħed, ta’ silenzju fejn il-mowbajl imqar jekk tmorru Ħad-Dingli, twaddbuh x’imkien jew ħalluh fil-karozza għax jiswa l-flus, u tgħidu: “ħa noqgħod kwiet miegħi nnifsi quddiem Alla, kif jien quddiem Alla, quddiem, quddiem Alla”. Il-Milied it-tajjeb  u s-Sena l-ġdida mimlija risq.

      Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja