Robert Schuman

Fl-aħħar jiem saru attivitajiet maħsuba biex ifakkru s-60 anniversarju mid-dikjarazzjoni Schuman. Hawn taħt hi ġabra fil-qosor ta’ dak li qalu esponenti ewlenin li ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet.

===  L-Arċisqof ta’ Pariġi u President tal-Konferenza Episkopali Franċiża, il-Kardinal Andre Vingt-Trois, waqt omelija f’quddiesa fil-katidral ta’ Metz, qal li “huma meħtieġa viżjonijiet kbar. Importanti li wieħed jiddeċiedi u jwitti t-triq għar-rikonċiljazzjoni wara tant kunflitti traġiċi fl-Ewropa”.

Fi kliemu, iċ-ċelebrazzjonijiet kommemorattivi kellhom l-għan li mhux biss ifakkru, imma jagħtu l-opportunita biex wieħed jifhem kif il-fidi nisranija mexxiet lil Robert Schuman biex sar bniedem b’viżjonijiet politiċi kbar, xhud tal-għeruq ta’ Alla fil-qalb umana”. Temm jaċċenna għall-ħtieġa tat-tiftix tal-ġid komuni meħtieġ li jmexxi kull ħsieb u azzjoni politika fid-dinja tal-lum. Kemm il-Papa kif ukoll il-President tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej, il-Kardinal Peter Erdo, aċċennaw għall-għeruq insara f’dan l-isfond ta’ riflessjoni.

=== Il-President tal-Kunsill Papali għad-Djalogu Inter-reliġjuż, il-Kardinal Jean Louis Turan, qal li l-Ewropa u l-Kristjaneżmu għandhom destinazzjoni u missjoni komuni; fil-proċess ta’ integrazzjoni “hu meħtieġ li wieħed jindika l-valuri komuni fil-kontinent, b’rispett lejn id-diversitajiet kulturali u reliġjużi, diversitajiet li jistgħu jikkontribwixxu għall-bini tal-UE”. Ma naqasx milli jitkellem dwar artiklu 17 tat-Trattat ta’ Lisbona li jiddefinixxi r-relazzjoni bejn l-UE u l-knejjes, b’enfasi fuq il-kollaborazzjoni.

=== Il-politiku Franċiż li kien Kummissarju tal-UE, Jacques Barrot, qal li “llum għandna nissieltu kontra l-egoiżmu, il-materjaliżmu, in-nazzjonaliżmu u l-populiżmu, li lkoll qed isiru parti mix-xenarju Ewropew. Hu l-uniku mod kif tissaħħaħ il-komunita Ewropea”. Iddeskriva l-bażi tad-dikjarazzjoni tad-9 ta’ Mejju 1950 fil-“prinċipju tas-solidarjeta”. Fisser li dan il-prinċipju għadu validu llum speċjalment quddiem l-isfidi ta’ żmienna, inkluż il-kriżi ekonomika dinjija.

=== Ir-rappreżentant permanenti tas-Santa Sede fil-Kunsill tal-Ewropa, Mons Aldo Giordano, għamel ftit kuntrasti bejn l-importanza storika tad-Dikjarazzjoni tal-1950 u l-Ewropa tat-Tielet Millenju. Telaq mit-tħassib fundamentali għall-paċi u kompla bl-idea ta’ solidarjeta reali bejn il-pajjiżi u l-ħtieġa tad-djalogu. Dan anki fid-dawl ta’ każi attwali fejn l-integrazzjoni hi mhedda.

=== Il-Vigarju Ġenerali tal-Knisja Anglikana fi Franza, Mons Kenneth Letts, fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet qal li “l-ekumeniżmu jgħallimna nfittxu x’għaqqadna u mhux x’jifridna. F’das-sens il-metodu ta’ djalogu bejn il-Knejjes Insara kien utli wkoll għall-Ewropa. L-Ekumeniżmu huwa favur l-għaqda Ewropea”. Fit-tagħlim mill-metodu tal-Ekumeniżmu Mons Letts identifika fost oħrajn l-għarfien tas-sors komuni tal-fidi nisranija.