Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika llum iffirma ftehim mal-Malta Union of Teachers (MUT) biex ikopri lil dawk impjegati bħala Gradi ta’ Servizzi ta’ Sapport lill-Istudenti.

Aktar minn 20 impjegat li joffru s-servizzi tagħhom lill-iskejjel tal-Knisja se jibbenefikaw minn dan il-ftehim, li qed jiġi datat b’lura għall-1 ta’ Jannar, 2019, u jirrifletti dak iffirmat bejn l-MUT u l-Istat.

Gradi ta’ Servizzi ta’ Sapport lill-Istudenti — li ​​jinkludu professjonisti psikosoċjali, bħal counsellors, u speċjalizzazzjonijiet oħra — issa se jaraw titjib fis-salarji tagħhom kif ukoll rikonoxximent mistħoqq għax-xogħol tagħhom.

Kelliem għas-Segretarjat qal: “Id-diskussjonijiet kienu twal peress li l-inklużjoni tal-professjonijiet kollha ta’ appoġġ ippreżentat sfidi partikolari. Iżda maż-żmien u b’rieda tajba, dawn ġew solvuti. Nittamaw li dan il-ftehim jimmotiva lill-impjegati fil-ħidma tagħhom fejn jaffaċċjaw kumplessitajiet tas-soċjetà li kulma jmur qegħdin jiżdiedu.”

Il-President tal-MUT, is-Sur Marco Bonnici, sostna li “dan il-ftehim ilu mistenni u ser iwassal għal titjib finanzjarju u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-professjonisti affettwati. L-MUT tirringrazzja lill-membri tas-sostenn kontinwu.”

Is-Segretarjat irringrazzja lill-MUT għad-diskussjonijiet kordjali, u lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, li għarfu r-rwol ċentrali li dan is-servizz jagħti fil-qasam edukattiv, b’mod partikolari lill-iskejjel tal-Knisja.

Irringrazzjat ukoll lill-professjonisti li b’mod persistenti u bil-paċenzja ħadu sehem fil-proċess, waqt li kienu qegħdin joffru s-servizzi ta’ appoġġ tagħhom fl-iskejjel.

Kelliema tas-Segretarjat u l-MUT qablu li “din l-attitudni ta’ kollaborazzjoni kollettiva tawgura tajjeb għal negozjati futuri li fl-aħħar mill-aħħar se jibbenefikaw minnha l-ħaddiema, l-istudenti u l-familji tagħhom.”