Year for Priests banner

Saċerdoti minn madwar id-dinja qed jingħaqdu f’Ruma għall-għeluq uffiċjali tas-sena ddedikata lilhom. Is-sena tas-saċerdoti msejħa mill-Papa Benedittu XVI, qed tiġi fi tmiemha bi programm li beda l-Erbgħa u li se jtul sal-Ġimgħa. Is-saċerdoti kollha madwar id-dinja kienu mistiedna għal din l-attivita promossa mill-Kongregazzjoni għall-Kleru bit-tema “Faithfulness of Christ, Faitfulness of Priests”.

Matul il-jum tal-Erbgħa saċerdoti marru l-Bażilika ta’ San Pawl barra s-Swar sabiex jirriflettu fuq il-Konverżjoni u l-Missjoni tagħhom. L-Arċisqof ta’ Cologne, il-Kardinal Joachim Meisner indirizza wkoll konferenza li kienet trasmesa għall-Bażilika San Ġwann Lateran. Wara, segwiet adorazzjoni ewkaristika u servizz tal-qrar, kif ukoll quddiesa preseduta mill-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kleru, il-Kardinal Claudio Hummes, f’San Pawl barra s-Swar. Quddiesa oħra saret mill-Arċisqof Mauro Piacenza, Segretarju għall-Kongregazzjoni tal-Kleru, f’San Ġwann Lateran.

Il-Ħamis, is-saċerdoti jinġabru fil-Bażilika Santa Maria Maggiore għal iffukar fuq it-tema taċ-“Ċenaklu: Invokazzjoni tal-Ispirtu s-Santu lil Marija f’għaqda fraterna”. L-Arċisqof  ta’ Quebec, il-Kardinal Marc Oullet, se jindirizza meditazzjoni f’San Pawl barra s-Swar, li se tkun trasmesa wkoll f’San Ġwann Lateran. Din se tkun segwita b’adorazzjoni ewkarisitka, qrar u quddiesa ċċelebrata mill-Kardinal Tarcisio Bertone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Quddiesa oħra se jqaddisha l-Arċisqof Robert Sarah, Segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli, f’San Ġwann Lateran.

Għada filgħaxija wkoll, is-saċerdoti se jiltaqgħu Fi Pjazza San Pietru għal testimonjanzi u mużika, kif ukoll djalogu mal-Papa, adorazzjoni ewkaristika u l-barka.

Finalment il-Ġimgħa, Solennita tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu, it-tema se ddur “ma’ Pietru, f’għaqda ekkleżjali”. Il-Papa għandu jiċċelebra l-quddiesa fl-10am u li matulha s-saċerdotijġeddu l-wegħdi tagħhom. Matul l-istess quddiesa l-Papa se jħabbar lil San Ġwann Maria Vianney bħala l-qaddis padrun tal-qassisin kollha, u mhux biss tal-qassisin fil-parroċċi u fil-konfessjonarji, kif kien.