-
-
L‑iskyline Malti sar iddominat minn numru esaġerat ta’ krejnijiet, tistħajjilhom mostri medhija jieklu bla rażan l‑ispazji u l‑binjiet sbieħ—kultant ta’ valur storiku—tal‑ibliet u l‑irħula tagħna. L‑ironija hi li min qed iħaxxen butu minn dan kollu jrid jbellagħlna r‑ross bil‑labra li dan kollu hu żvilupp li Malta ma tistax tgħaddi mingħajru għax hekk jitlob il‑progress. Jekk dan kollu hu żvilupp, allura għaliex tmur fejn tmur fil‑gżejjer tagħna tisma’ ħafna tgergir fuq il‑bini eċċessiv li ftit ftit qed jifni lil pajjiżna? Żvilupp mhux suppost jiġġenera l‑benesseri, il‑kuntentizza u l‑kumdità? Wieħed jista’ jiddeskrivi l‑iżvilupp bħala l‑proċess li jkabbar il‑libertajiet veri tan‑nies[1].
Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) ilha żmien tipprova—amministrazzjoni wara l‑oħra—tiftaħ għajnejn l‑awtoritajiet dwar il‑ħtieġa li jsir intervent dirett li jwaqqaf iż‑żieda mhux sostenibbli u bla ppjanar serju fil‑bini minħabba l‑impatt negattiv tiegħu fuq is‑soċjetà. Kien hemm min ikkritika l‑pożizzjoni tal‑KA għax intqal li qed tfixkel l‑iżvilupp ta’ Malta. Imma l‑KA tinnota b’sodisfazzjon in‑numru ta’ assoċjazzjonijiet u ċittadini li qed isemmgħu leħinhom kontra l‑iżvilupp bl‑addoċċ li qiegħed dejjem jikber.
Fenomenu li qed jiżviluppa—u li l‑KA tittama li jkompli jissaħħaħ—hu l‑fatt li diversi komunitajiet f’Malta u Għawdex qed jingħaqdu u flimkien jgħidu le għal żvilupp li mhux sostenibbli fil‑lokalità tagħhom. Fost dawn, sa issa, kien hemm: il‑komunitajiet ta’: Ħal Luqa[2], Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan[3], ir‑Rabat[4], l‑Għarb[5], San Lawrenz[6], iż‑Żejtun[7], u l‑aktar riċenti ta’ Tal‑Pietà[8]. Filwaqt li tingħaqad mar‑residenti, mal‑kunsill lokali ta’ dawn il‑lokalitajiet u ma’ kull min għandu għal qalbu l‑patrimonju naturali u arkitettoniku Malti, il‑KA tappella bil‑qawwa kollha lill‑awtoritajiet sabiex jagħtu widen għal‑leħen taċ‑ċittadini li huma marbutin li jservu.
Ta’ min jinnota wkoll li f’ċerti lokalitajiet, ir‑rappreżentanti politiċi nsew l‑alleanzi li seta’ kellhom mal‑partit tagħhom biex setgħu jitkellmu b’vuċi waħda: dik li tpoġġi il‑ġid tal‑lokalità tagħhom u tar‑residenti sħabhom qabel kull interess partiġġjan. Bla dubju dan jagħti ħafna aktar saħħa liċ‑ċittadin għax l‑enerġija li s‑soltu tinħela f’battibekki bla sens tkun iffukata fuq dak li hu tassew importanti. Iżda fl‑istess ħin huwa indispensabbli li l‑awtoritajiet jagħtu l‑importanza mistħoqqa lil dak li jgħidu r‑residenti u jqisuh sew qabel jittieħdu d‑deċiżjonjiet għax ħadd daqshom ma jista’ jifhem l‑impatt li dawn ikollhom fuq il‑belt jew raħal tagħhom.
Il‑KA tħoss li ċ‑ċittadini ilhom żmien jisimgħu b’hekk imsejħa studji (li qatt ma saru pubbliċi) li jbassru kemm Malta teħtieġ aktar u aktar bini biex titjieb il‑kwalità tal‑ħajja tal‑Maltin. Madanakollu, dan it‑tbassir mhux qed irendi dak li wiegħed, u l‑ammont ta’ ċittadini mdejqin bil‑mod kif l‑ambjent naturali u urban ta’ Malta qed jinqered qiegħed dejjem jiżdied. Dan, u mhux il‑wegħdiet fiergħa ta’ min għandu interessi ulterjuri, huma l‑vera sinjali taż‑żminijiet li kull min jieħu deċiżjoniet dwar il‑futur ta’ Malta għandu jagħti kas.
[1] Development as Freedom – Amartya Sen, ekonomista u filosofu, rebbieħ tal-Premju Nobel 1998
[2] https://www.timesofmalta.com/articles/view/20180924/local/hundreds-of-residents-protest-at-plans-for-luqa-warehouses.689883
[3] https://www.timesofmalta.com/articles/view/20181102/local/protesters-make-another-attempt-to-stop-db-group-project.693223
[4] http://www.one.com.mt/news/2018/12/01/ir-rabtin-fvuci-wahda-kontra-l-izvilupp-ta-lukanda-fis-saqqajja/
[5] https://www.timesofmalta.com/articles/view/20171114/local/another-gharb-fireworks-factory-just-300-metres-from-restored-chapel.663034
[6] https://www.timesofmalta.com/articles/view/20190103/local/san-lawrenz-steps-up-fight-against-monstrous-apartment-block.698286
[7] http://www.one.com.mt/news/2019/01/12/il-komnita-zejtunija-toggezzjona-ghal-zvilupp-fir-rahal/
[8] https://www.timesofmalta.com/articles/view/20190117/local/pieta-council-shoots-down-massive-development-project.699443