Haiti earthquake

Delegazzjoni tal-Konfereza tal-Isqfijiet Kattoliċi fl-Istati Uniti tal-Amerika nnutat li r-rikostruzzjoni f’Ħaiti hi kalma. Qalu wkoll li l-għadd ta’ nisa u tfal fil-pajjiż jeħtieġu protezzjoni mill-kriminalita.

Id-delegazzjoni qed tħejji rapport li għandu jiġi ppubblikat fil-jiem li ġejjin, u li fih se jkunu żvelati d-dettalji marbuta mal-vjaġġ lejn ir-reġjun tal-Karibew bejn is-26 ta’ Lulju u t-2 t’Awwissu. Il-kumitat tal-missjoni mmexxi mill-Arċisqof ta’ Miami Thomas Wenski u l-Isqof ta’ Brooklyn fi New York, vjaġġa lejn Ħaiti sabiex jassessja l-isforzi ta’ rikostruzzjoni wara t-terremot tat-12 ta’ Jannar li għadda. Il-kumitat żar ukoll il-Bahamas u r-Repubblika Domenikana sabiex janalizza s-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Ħaiti f’dawn il-pajjiżi.

L-Arċisqof Wenski qal li “hu ċar li l-isforzi biex jitnaddaf u jirkupra l-post, huma sforzi li mexjin b’pass kajman ħafna. Il-komunita internazzjonali għandha tibqa’ tappoġġja lill-Gvern tal-Ħaiti sabiex issir ir-rikostruzzjoni tal-pajjiż u jissaħħu l-istituzzjonijiet”.

Id-delegazzjoni ffukat l-assessjar tagħha fuq l-iktar gruppi vulnerabbli, speċjalment nisa u tfal. L-Isqof DiMarzio wissa li “t-tfal, speċjalment dawk li tilfu l-ġenituri tagħhom jew isseparaw minnhom, jibqgħu f’riskju kbir”. Huwa kompla li “mingħajr sforz iżjed ikkonċentrat għall-protezzjoni tagħhom waqt li jinstabu soluzzjonijiet għall-kura tagħhom, din il-kategorija ta’ nies li ssir iktar vulnerabbli għall-kriminalita, partikolarment għat-traffikar tal-persuni”.