18-il Isqof Anglikan tal-Knisja tal-Ingilterra, appoġġjati mill-mexxej tal-Knisja Anglikana, l-Arċisqof ta’ Canterbury Rowan Williams, kitbu ittra miftuħa lill-Gvern ta’ David Cameron jappellawlu biex jirrevedi l-Abbozz ta’ Riforma tas-Servizzi Soċjali li ddeskrivewha bħala “inġusta”. Fuq kollox l-Isqfijiet esprimew it-tħassib tagħhom li jekk tkun infurzata, ir-riforma se tkun qed timbotta lill-iktar dgħajfa u vulnerabbli tal-pajjiż f’iktar faqar.
L-ittra kienet ippubblikata minn The Observer u kienet iffirmata mit-18-il djoċesi Anglikana tal-pajjiż, minn Bath sa Leeds.
“L-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-benefiċċji soċjali, kif suġġerit fir-riforma, tista’ twassal uħud mill-iktar tfal vulnerabbli fil-pajjiż f’iktar faqar sever”. L-Isqfijiet saħħew dan b’ċifri provduti minn ‘Children’s Society’ li jindikaw li mas-70,000 adult huma suxxettibbli li jintlaqtu mir-restrizzjonijiet proposti, minbarra l-konsegwenzi estiżi fuq madwar 210,000 tifel u tifla li jistgħu jispiċċaw mingħajr appoġġ u mat-80,000 li jaf jispiċċaw bla dar.
“Il-Knisja tal-Ingilterra – tkompli l-ittra – hi impenjata u għandha l-obbligu morali li titkellem partikolarment biex issemma’ l-vuċi ta’ min m’għandux. Fost dawn, it-tfal li jistgħu għada pitgħada jiffaċċjaw faqar sever u possibilment jispiċċaw bla saaf fuq rashom minħabba deċiżjonijiet, għażliet u ċirkostanzi tal-ġenituri tagħhom. Dan l-impatt huwa inġust”.